Il-qawwiet tar-Russja attakkaw il-kapitali Ukrena Kiev għad-disa’ darba matul dan ix-xahar u meta l-Kremlin qed jagħmel li jista’ biex jintimida lill-poplu Ukren qabel l-Armata tal-Ukrajna twettaq il-kontra-attakk mistenni biex tieħu lura l-kontroll fl-artijiet tagħha.
Intant, id-difiżi tal-Ukreni, fl-aħħar sigħat, qerdu l-missili kollha sparati lejn il-qalba ta’ Kiev għalkemm it-tifrik ta’ uħud minnhom niżlu fuq numru ta’ distretti fejn ħallew il-ħsarat – iżda l-ebda vittmi.
Sadanittant, mietu u ndarbu xi nies meta l-missili tar-Russi laqtu anki l-belt tal-port Ukrena ta’ Odessa. Fl-istess ħin kienu rappurtati l-isplużjonijiet fir-reġjuni Ukreni ta’ Vinnytsia, Khmelnytsky u Zhytomyr.
L-aħħar rapporti qalu r-Russi mill-ġdid użaw il-cruise missiles u d-drones fuq Kiev — bl-uffiċjali f’din il-belt kapitali jfissru s-sensiela tal-attakki matul ix-xahar bħala mingħajr preċedent fiż-żmien kollu li ilha l-gwerra fl-Ukrajna.
Iżda waqt li l-attakki tar-Russi mhumiex jonqsu fil-varjetà u l-intensità, hemm ukoll rapporti li l-Ukrajna qed tkompli twaqqa’ l-missili ħipersonii Kinzhal li l-Kremlin, sa ftit ilu, kien qed ifissirhom bħala indistruttibbli.
Min-naħa tiegħu, Serhiy Popki, li jmexxi l-amministrazzjoni ċivili u militari fi Kiev, qal li attakk partikulari bil-missili fuq il-kapitali Ukrena tmexxa mill-bombers strateġiċi tar-Russja huma u għaddejjin minn fuq il-Baħar Kaspjan. Jidher li dawn il-bombers sparaw il-cruise missiles wara li kienu użaw id-drones għall-moniteraġġ tas-sitwazzjoni fi Kiev.
//= $special ?>