Il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma biex jixhed dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien fiha informazzjoni sensittiva dwar reati serji oħra u l-iżvelar kollu jista’ jkollu impatt fuq investigazzjonijiet oħra, qal l-avukat tiegħu fil-Qorti.
Dik kienet ir-raġuni għaliex verżjoni mnaqqsa biss kienet esebita fi proċeduri kriminali separati relatati mal-qtil, qal l-avukat waqt każ fejn il-familja ta’ Caruana Galizia qed tfittex għad-danni. Il-familja kienet ressqet proċeduri kontra Theuma u rġiel oħra allegatament involuti fil-plott li wassal għall-isplużjoni tal-karozza bomba f’Ottubru tal-2017.
Il-kawża ċivili għad-danni kienet oriġinarjament ippreżentata kontra Yorgen Fenech, li qed jistenna biex jgħaddi ġuri bħala l-allegat kompliċi fil-qtil, flimkien ma’ Alfred u George Degiorgio, tnejn li bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena kull wieħed wara li ammettew hekk kif kien se jibda l-ġuri tagħhom f’Ottubru li għadda.
Vincent Muscat ammetta l-involviment tiegħu fuq il-każ u kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara patteġġament (ftehim) li sar mal-prosekuzzjoni bi skambju għal xhieda dwar il-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. Muscat, flimkien ma’ Theuma, qed jiġu mfittxija wkoll għad-danni. Il-familja Caruana Galizia daħħlet ukoll fil-kawża lil Robert Agius u Jamie Vella.
Dawn kienu fil-mira ta’ investigazzjonijiet kriminali bħala dawk li allegatament fornew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista. Fl-aħħar seduta, Theuma kien ġie imħarrek bħala xhud, bl-avukat tiegħu jinforma lill-qorti li Theuma kien qed jeżerċita d-dritt tiegħu għas-silenzju minkejja li kien ingħata maħfra biex jixhed dwar ir-rwol tiegħu fil-qtil.
Dik id-deċiżjoni ħarġet mill-fatt li Fenech kien ippreżenta proċeduri separati li jisfida lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jipproċedi fuq Theuma għal allegat xhieda mhux konsistenti fi proċeduri differenti marbuta mal-qtil. L-isfida ġiet miċħuda minn Qorti tal-Maġistrati fi Frar iżda dik id-deċiżjoni kienet għadha suġġetta għal appell.
Il-qorti kienet ordnat lir-reġistratur tal-qorti biex jipproduċi kopja tax-xhieda ta’ Theuma f’diversi proċeduri sabiex jittieħdu miżuri adegwati kif xieraq. Meta l-każ kompla l-Ħamis, l-assistent reġistratur tal-qrati kriminali, Stefania Calafato Testa, ippreżentat dawk ix-xhieda, issiġillati taħt ordni tal-qorti.
L-avukat ta’ Fenech, Anna Mallia, kienet talbet ukoll kopja tal-maħfra ta’ Theuma sabiex tikkonferma jekk dik il-maħfra tagħtux id-dritt li jinvoka d-dritt tiegħu għas-silenzju. L-avukat ta’ Theuma wieġeb għal dik it-talba billi spjega li tali dritt għas-silenzju kien qed jiġi invokat biss minħabba l-proċeduri ta’ kontestazzjoni li kienu għadhom pendenti fl-appell.
“Fuq dik ix-xhieda jridu jibagħtuh l-ħabs,” sostniet l-avukat Kathleen Calleja Grima. B’differenza għal maħfra oħra, dik mogħtija lil Theuma qatt ma ġiet esebita b’mod sħiħ iżda verżjoni mnaqqsa biss ġiet ippreżentata fi proċeduri kriminali separati, filwaqt li tħalliet barra informazzjoni li ma kinitx relatata mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Theuma minn jeddu kien se jiddikjara bil-ġurament li ngħata maħfra għar-raġuni speċifika li jixhed dwar il-qtil tal-ġurnalist. Huwa kien skedat li jixhed fis-seduta tal-Ħamis iżda l-avukat tiegħu kien ippreżenta nota fejn jinforma lill-qorti bl-indisponibbiltà tiegħu minħabba appuntament fl-isptar li ma setax jitlef.
L-avukat tal-familja Caruana Galizia, Joseph Zammit Maempel, qal li kien se jsejjaħ lil Theuma biex jikkonferma d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu. Fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ Theuma li ma jixhedx qabel ma ġew iffinalizzati l-proċeduri ta’ kontestazzjoni ta’ Fenech, il-qorti ordnat lir-reġistratur tal-qorti biex jinfurmaha dwar l-istadju li waslu minn dawk il-proċeduri.
Il-każ ikompli f’Ottubru. L-Avukat Anna Mallia qed tassisti lil Fenech. L-avukati Kathleen Calleja Grima u Matthew Brincat qed jassistu lil Theuma. L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin qed jassistu lil Agius. L-Avukat Ishmael Psaila qed jassisti lil Vella. L-Avukat Daniel Attard kien qed jassisti lil Muscat.