Lokali

Il-President George Vella jżur l-Istati Uniti u l-Kanada

Il-President George Vella flimkien mal-mara tiegħu Miriam Vella qegħdin iżuru l-Istati Uniti u l-Kanada, hekk kif hu ser ikun wieħed mill-kelliema f’dibattitu fuq il-protezzjoni tan-nies f’kunflitti armati li ser issir f’New York. Dan id-dibattitu miftuħ qiegħed ikun organizzat mill-Presidenza Żvizzera tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, u d-dibattitu għandu t-titlu tal-‘iżgurar tas-sigurtà u d-dinjità taċ-ċivili f’kunflitt: L-indirizzar tal-insigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tas-servizzi essenzjali’.

Il-president se jkollu diversi laqgħat oħrajn bilaterali, fosthom mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Csaba Kőrösi, u mar-Rappreżentant Għoli għall-Alleanza taċ-Ċiviltajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, Miguel Ángel Moratinos. Ma dawn il-laqgħat, għandu wkoll numru ta’ laqgħat oħrajn skedati. Waħda mil-laqgħat ser jingħaqad mal-mara tiegħu u mad-delegazzjoni Maltija, fejn ser jiltaqgħu mal-komunitajiet Maltin f’New York u f’Detroit fl-Istati Uniti, kif ukoll f’Toronto fil-Kanada.

Sakemm il-President ser ikun qiegħed fl-Istati Uniti u fil-Kanada, il-Professur Frank Bezzina ser iservi l-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President George Vella u l-mara se jiġu lura Malta nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2023.