Lokali

Inawgurat il-proġett ta’ restawr fuq it-Torri tad-Dwejra

Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tad-Dwejra f’Għawdex.

Ix-xogħlijiet inkludew rinnovazzjoni fuq ammont konsiderevoli ta’ ġebel fuq il-parti esterna tat-torri li kien tnaqqar maż-żmien minħabba l-elementi naturali li jaħkmu l-inħawi tad-Dwejra.

Il-proġett involva ħidma biex jiġi rranġat it-taraġ ta’ barra, il-ħitan u anke s-soqfa. Fuq il-parti ta’ ġewwa saru wkoll interventi marbutin ma’ xogħlijiet elettriċi u dawl ġdid.

It-torri tad-Dwejra huwa wiehed mill-aktar torrijiet importanti f’Għawdex, u kien inbena fl-1652 mill-Grand Mastru Lascaris.

Dan il-proġett ibbenefika minn kofinanzjament tal-European Regional Development Fund…u d-dettalji tal-proġett tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern flimkien mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.

Bħalissa grazzi għall-UE, qed jiġu restawrati diversi fortifikazzjonijiet storiċi tul il-kosta. Dawn ix-xogħlijiet jammontaw għal madwar €235,000, li minnhom €155,000 ġejjin minn fondi Ewropej.