Persuna resqet ‘il quddiem biex titkellem u tagħti l-verżjoni tagħha, dwar dak li taf dwar id-deal tal-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Gvern Malti lil Vitals, u dwar dak li ġara biex din il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Health Care… liema informazzjoni u dokumenti li kellha ġew ippreżentati fil-Qorti mill-Partit Nazzjonalista.
Id-Deputat Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut qal li din il-persuna li tkellmet miegħu riedet li toħroġ il-verità kollha filwaqt li ssir ġustizzja għal dak li seħħ.
Din l-informazzjoni tinkludi diversi dokumenti, li jinkludu xhieda ġuramentat ta’ din il-persuna dwar dak li ġara, kopji ta’ agreements li saru bejn il-partijiet involuti, u tinkludi wkoll kopji ta’ emails, chats u messaġġi.
L-emails u ċ-chats jinvolvu rappreżentanti ta’ Steward, rappreżentanti ta’ Vitals, politiċi, uffiċjali għolja tal-Gvern Laburista, konsulenti legali tal-istess Gvern Laburista, u anke uffiċċjali għolja fis-servizz pubbliku u fiċ-ċivil.
Din l-evidenza tindika frodi, kollużjoni bejn politiċi, uffiċjali pubbliċi u persuni fin-negozju, theddid, u dikjarazzjonijiet foloz.
Mark Anthony Sammut qal li wara li ra l-evidenza f’dawn id-dokumenti, ħassu fid-dmir u obbligat li jgħaddi din l-informazzjoni lill-Maġistrat Inkwirenti li qed tmexxi l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li kienet infetħet mill-għaqda Repubblika.
Huwa qal li din il-persuna li ressqet ‘il quddiem lesta wkoll li tiltaqa’ magħha u tixhed quddiemha għal fini ta’ din l-inkjesta.
