Lokali Qorti

Iż-żgħażagħ akkużati b’involviment mal-ISIS jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Seba’ Sirjani li qed jgħaddu poroċess quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li jinsabu akkużati b’rabta ma’ gruppi terroristiċi fosthom il-grupp fundamentalista ISIS tpoġġew taħt att ta’ akkużi wara li tkomplit il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tagħhom.

Ajil Al Muhsen, Khalil Al Mahmoud u Adnan Maashi ta’ 21 sena,, Yazan Abduklaziz 26, Ahmed Kadas 25, Ahmed Ahmed 27, u Mohammed Mohammed ta’24 sena, li kollha huma minn Is-Sirja, kienu tressaq il-Qorti nhar il-Ħadd 30 ta’ April fuq numru kbir ta’ akkużi relatati mat-terroriżmu.

Is-Sirjani li għadhom miżuma taħt arrest kienu jħixu fil-Ħamrun, Tal-Pieta’ u Birkirkara. L-akkużati ġejjin minn Homs u Raqqa, fis-Sirja, u lkoll iddikjaraw li jaħdmu bħala kaħħala f’Malta. Huma qed jiġu akkużati b’diversi reati serji, li jistgħu jwasslu għal piena ta’ għomor il-ħabs. Fost dawn li xerrdu messaġġi li jħeġġu reati terroristiċi, li rreklutaw jew ħajru persuni jwettqu atti terroristiċi, li għallmu lil persuna jew persuni oħra kif jużaw splussiv jew armi tan-nar kif ukoll li ppruvaw jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea biex jieħdu sehem f’attakki terroristiċi.

Surġent mit-Taqsima ta’ Kontra t-Terroriżmu permezz ta’ powerpoint presentation ta nformazzjoni li ġabret il-Pulizija dwar is-seba’ żgħażagħ. Qal li wieħed mill-akkużati ma kellu l-ebda account online imma l-bqija tal-akkużati kellhom xi preżenza online.

Il-kitbiet tagħhom kienu marbuta mat-terroriżmu

Qal li ż-żgħażagħ kollha kienu ‘friends’ ma’ xulxin fuq Facebook u għamlu follow lil xulxin fuq midja soċjali oħra. Bosta kitbiet ta’ Adnan Maashi kienu marbuta mat-terroriżmu u li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar bdiet tiżdied il-frekwenza tagħhom.

Waħda mill-kitbiet kellha stampa ta’ tfal f’iskola li fuq moħħhom kellhom “bandana tal-ISIS”.  Fost l-accounts tal-akkużat, kien hemm bosta kitbiet li għamlu share ta’ kitbiet li għamlet l-aġenzija tal-midja tal-ISIS.  Hawn is-Surġent wera screenshots ta’ filmati ta’ Osama bin Laden u b’arloġġ li kellu stampa tal-bandiera tal-ISIS.

Kitba oħra kellha filmat ta’ wieħed mill-akkużati jsuq il-karozza u fl-isfond, iddoqq in-nasheed, li hija mużika reliġjuża.   Fl-accounts ta’ Ahmed Ahmed, kien hemm kitbiet li juru l-“bandiera tal-Ġiħadisti” u l-ġellieda estremisti. Hawn deheru ukoll filmati ta’ Osama bin Laden. Is-Surġent kompla jgħid li waħda mill-kitbiet ta’ Ahmed Ahmed turi filmat li “tigglorifika l-attakki suwiċidjali u s-suicide bombing”.  

Il-Prosekuzzjoni staqsiet kif is-Surġent rabat il-kitbiet mal-akkużati. qal li rrefera għall-usernames tagħhom fost dettalji personali oħra. Id-Difiża tistaqsi lis-Surġent jekk jafx jikteb jew jitkellem bl-Għarbi. “Ftit,” qal is-Surġent. Id-difiża kompliet tagħmel id-domadni fosthom jekk qattx studja l-Iżlam jew jekk qarax il-Koran.

“Għamilt courses li kienu relatati xi ftit ma’ dawn is-suġġetti,” wieġeb is-Surġent li stqarr li qara parti mill-Koran.  Il-Prosekuzzjoni staqsiet dwar il-metodoloġija li uża s-Surġent, li qal li uża d-database tal-Europol li għandha lista ta’ persuni marbuta mal-ISIS.  

Is-Surġent tenna li l-kliem tal-kitbiet minn Google Translate u li dawn it-traduzzjonijiet ġew ikkonfermati minn traduttur.  Hawn id-Difiża se tressaq rikors biex id-dokumenti jiġu sfilzati. Xhud ieħor kien ukoll Surġent tal-Pulizija li qal li ġie nkarigat biex jagħmel analiżi tad-dokumenti.  

Tenna li x-xogħol tiegħu kien fuq filmati u r-ritratti li ttieħdu mill-accounts tal-akkużati u li wieħed mill-filmati juri tfal fi klassi jitkellmu u warajhom adult li allegatament huwa marbut mal-estremiżmu.  Filmat ieħor juri tnejn mill-akkużati jkantaw in-nasheed “li huwa famuż ma’ grupp Iżlamiku” u li dan in-nasheed huwa dwar il-ġellieda li jfittxu l-martirju. 

Filmat ieħor juri kif persuna tista’ toħloq bombi jew materjali splussivi f’darha. Ix-xhud jikkonferma li dawn il-filmati tniżżlu u ġew ippreservati. Qal li hu ġie nominat bħala parti mill-inkjesta u jgħid li kien megħjun minn tradutturi li huma esperti tal-inkjesta.  

Id-Difiża staqsietu jekk instabx materjal splussiv fir-residenzi tal-akkużati, bit-tweġiba tkun fin-negattiv. Mistoqsija oħra kienet dwar il-fatt li n-nasheed mhijiex marbuta esklussivament mal-istat Iżlamiku. Qal li hija marbuta mal-ġelieda li jfittxu l-martirju.

Id-Difiża tgħid li l-liġi tirrikonoxxi li t-terroriżmu huwa reat serju u li min ixerred il-materjal estremist ikollu l-element morali li jmexxi t-terroriżmu fil-pajjiż u li l-materjal li jinxtered ikollu l-“gravitas” li torbot mal-intenzjoni li jitwettqu reati terroristiċi.  

Hi tgħid li d-dokumenti huma inammissibbli għaliex huma biss opinjonijiet u li xhud ma jistax jixhed dwarhom u li minflok, irid jiġi nominat espert. Id-Difiża qalet ukoll li kienu ġew nominati xi esperti, dawn jiġu kkunsidrati nulli għax iridu jkun lil’ hinn mill-Korp tal-Pulizija. “Dan huwa preġudizzju kbir,” sostniet id-Difiża.

Qalet ukoll li mhemmx evidenza konkreta li l-akkużati kienu qed jiffinanzjaw jew imexxu xi forma ta’ terroriżmu filwaqt li qalet li hemm żewġ akkużati li lanqas dehru fil-presentation tal-Pulizija. Qalet ukoll li l-akkużati ngħataw l-istatus ta’ refuġjat u li dan il-proċess mhuwiex wieħed faċli sabiex jiġi determinat jekk ħaqqhomx protezzjoni mill-Istat Malti.  

“Kieku kienu ta’ periklu, ma kinux jingħataw protezzjoni u kienu jintbagħtu lura,” qalet id-Difiża.  Fis-sottomissjonijiet tagħha, l-Prosekuzzjoni sostniet li d-direttiva tirreferi wkoll bħala reat, l-attentati tal-akkużati li jitgħallmu dwar it-terroriżmu u l-ħsieb wara t-tixrid tal-materjal estremist.  

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li din kienet ir-raġuni għaliex id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tinkludi l-instigar tat-terroriżmu. Huwa ċar, qalet il-prosekuzzjoni li l-akkużati kellhom l-intenzjoni li, b’mod frekwenti, ixerrdu dan il-materjal.  

Saħqet li wħud mill-akkużati xerrdu bosta kitbiet u stampi ta’ persuni prominenti fl-ISIS jew jigglorifikaw lil dan il-grupp estremist. Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa għalhekk li hemm biżżejjed evidenza prima facie. Id-Difiża ma taqbilx u qalet li wieħed żgur ma jistax jikkunsidra li jekk persuna tagħmel share ta’ kitba jew stampa, din tispiiċċa l-ħabs.

Id-difiża kompliet li ż-żgħażagħ lanqas qed jiġu akkużati li ħolqu dan il-materjal u li għamlu biss huwa share.  Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Il-każ ikompli x-xahar d-dieħel.