Lokali

“Kull min wettaq reat għandu jiġi investigat”

Tkompli l-ħidma ma taqta’ xejn tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jsir jaf il-verità kollha dwar l-ikbar frodi li qatt ra pajjiżna, filwaqt li ssir ġustizzja sabiex il-miljuni ta’ ewro li nsterqu mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha jinġiebu lura.

Il-Ħamis filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien mad-Deputat Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut ressqu rikors fil-Qorti sabiex il-Maġistrat Inkwirenti, Gabriella Vella tikkunsidra informazzjoni ġdida li wasslet għand il-Partit Nazzjonalista.

Dan wara li persuna li għandha tagħrif dwar dak li seħħ fid-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet tat l-informazzjoni kollha li kellha; filwaqt illi qalet li lesta titkellem mal-Maġistrat biex tagħti iktar dettalji fejn hu meħtieġ.

Mal-ġurnalisti preżenti barra l-Qorti, Bernard Grech fakkar kif il-Kummissarju tal-Pulizija għadu s’issa m’għamlet xejn rigward l-informazzjoni li qed toħroġ.

Speċjalment wara li issa għaddew kważi ġimagħtejn mindu saret id-denunzja mill-Partit Nazzjonalista; u xorta l-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet.

“Aħna ser nibqgħu ninsistu, fil-Parlament, fit-toroq u quddiem l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li min seraq u wettaq reati serji oħra jiġi investigat u jiffaċċja l-ġustizzja.”

Dan ir-rikors tal-PN kien iffirmat mid-deputati Karol Aquilina u Joe Giglio. Preżenti wkoll kien hemm id-deputat Adrian Delia.

Bernard Grech wiegħed li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista mhix se tieqaf sabiex ikun żgurat li l-verità kollha toħroġ fil-beraħ u ssir ġustizzja, filwaqt li appella biex kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin, għandu jersaq ‘il quddiem.

Fl-aħħar jiem rajna kif Robert Abela gideb lill-poplu Malti u Għawdxi dwar in-nefqa tat-tliet sptarijiet, u kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ sħabu kienu dawk li wettqu l-ikbar frodi f’pajjiżna. Ġie rappurtat ukoll illi l-eks chief of staff, Keith Schembri hedded lid-Direttur tal-Vitals – prova oħra ċara li meta s-sitwazzjoni eskalat, dawn bdew iduru għal xulxin.

Iżda minkejja dan kollu, jibqa’ jiddomina s-silenzju assolut mill-Kummissarju tal-Pulizija, mill-Avukat Ġenerali u mill-Prim Ministru Robert Abela.