Kummerċ Lokali

L-Isptar Saint James Żejtun huwa l-ewwel sptar f’Malta li kiseb iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża ISO 9001:2015

L-Isptar Saint James fiż-Żejtun,ngħata ċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża ISO 9001:2015 aktar kmieni dan ix-xahar. Huwa l-ewwel Sptar multidixxiplinarju f’Malta li kiseb dan is-siġill ta’ kwalità u din iċ-ċertifikazzjoni hija xhieda tad-dedikazzjoni bla waqfien tal-istess Sptar biex iwassal servizzi ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja li jilħqu standards internazzjonali.

 Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Jean Claude Muscat stqarr li permezz tal-għoti taċ-ċertifikazzjoni ISO 9001:2015, l-Isptar Saint James taż-Żejtun wera l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod konsistenti l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pazjenti tiegħu filwaqt li jżomm ma’ standards stretti ta’ kwalità.

Huwa qal li l-Isptar Saint James “dejjem sostna impenn sod għal titjib kontinwu fis-servizzi li joffri, filwaqt li fuq kollox jiġi żgurat li l-pazjenti jirċievu l-ogħla livell ta’ kura f’ambjent sigur.” Żied jgħid li l-din iċ-ċertifikazzjoni hija parti mill-viżjoni usa’ tal-Grupp li dejjem jipprovdi servizz ta’ eċċellenza fil-kura tas-saħħa u li jagħti kura innovattiva u orjentata lejn il-pazjent f’firxa wiesgħa ta’ speċjalitajiet mediċi.

Il-kisba taċ-ċertifikazzjoni ISO 9001:2015 kienet tinvolvi evalwazzjoni komprensiva tas-sistema kwalittativa tal-Isptar, inklużi verifiki u valutazzjonijiet rigorużi mwettqa minn esperti indipendenti ta ‘partijiet terzi. Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni kopra diversi oqsma tal-operat tal-Isptar, bħall-kura tal-pazjent, proċessi mediċi, infrastruttura, u servizzi ta’ appoġġ.

ISO 9001:2015 huwa standard rikonoxxut internazzjonalment għal sistemi ta’ kwalità, li jiffoka fuq it-titjib tas-sodisfazzjon tal-klijent, titjib kontinwu, u proċessi effiċjenti. “Bħal dejjem, żammejna l-viżjoni soda tagħna li ninvestu kontinwament fl-aħħar teknoloġiji mediċi filwaqt li nattiraw l-aqwa professjonisti mediċi u nrawmu kultura ta’ standards ogħla ta’ kura, u b’hekk insaħħu l-impenn tagħna li nistabbilixxu l-benchmarks fl-industrija,” saħaq is-Sur Muscat.

Fil-fatt, din iċ-ċertifikazzjoni hija r-riżultat ta’ snin ta’ ħidma u impenn kontinwu mit-tim kollu mmexxi mit-tim dedikat tal-Kwalità u l-Istandards. Is-Sur Muscat temm billi rringrazzja lill-istaff kollu, mingħajr eċċezzjoni talli ħadmu b’tant entużjażmu u enerġija biex jintlaħqu għanijiet daqshekk importanti.