Internazzjonali

L-Italja: Kull sforz possibbli biex in-nies ma jbatux l-effetti tal-maltemp

Il-Gvern Taljan lest biex jagħti l-għajnuna kollha neċessarja lir-reġjun ta’ Emilia-Romagna li ilha l-jiem iġġarrab l-impatt ta’ għargħar kbir u valangi tal-art fost il-ħalbiet tax-xita li kkaġunaw is-sitwazzjonijiet traġiċi… Sitwazzjonijiet karatterizzati mill-ħajja mitlufa, ħsarat sinifikanti fil-bini u l-infrastruttura u tfittxija għal persuni rappurtati nieqsa.

Din kienet it-tieni darba dan ix-xahar li r-residenti ta’ Emilia Romagna kellhom jiffaċċjaw kundizzjonijiet ‘impossibbli’ b’kaġun tal-maltemp. Sadanittant, ix-xita qawwija li xprunat l-għargħar u l-valangi kellha ssegwi xhur ta’ nixfa li affettwaw il-kapaċità tal-artijiet li jassorbu l-ilma. Fil-fatt, il-meteoroloġisti qalu li s-sitwazzjoni kkontribwiet ħafna għall-impatt devastanti tal-għargħar f’numru ta’ bliet li jinkludu Bologna, Cesena, Forlì, Ravenna u Piacenza.

Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, qalet li l-Gvern qed jipprovdi l-għajnuna kollha lill-komunitajiet milquta u li hi ‘qed tħossha qrib ħafna tan-nies affettwati’ miċ-ċirkustanzi perikolużi.

Fl-aħħar jiem saru l-evakwazzjonijiet tal-massa minn dan ir-reġjun fin-naħa ta’ fuq tal-Italja – u bl-awtoritajiet lokali, l-istess bħall-aġenziji għall-protezzjoni ċivili, iwissu dwar ‘il-potenzjal ta’ maltemp agħar matul il-jiem li ġejjin’.

Filwaqt li aktar bliet qed jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet inċerti u kumplikati, insabu anki  numru ‘mhux finali’ ta’ mejtin fl-inħawi ta’ Forlì, Cesena u Cesenatico.

L-għargħar kien rappurtat fil-madwar ta’ mill-anqas 20 xmara tar-reġjun u meta r-residenti ta’ Cesena u bliet oħra kienu sfurzati li jitilgħu fuq il-bjut ta’ djarhom – minn fejn imbagħad spiċċaw salvati mill-membri tal-iskwadri għall-emerġenza li ħaduhom lil hinn bid-dinghies kif ukoll bil-ħelikopters.

Anki l-belt ta’ Ravenna – qrib il-kosta tal-Adrijatiku – spiċċat affettwata bil-kbir mill-maltemp u l-għargħar, bis-Sindku Michele de Pascale jikkonferma li eluf ta’ residenti spiċċaw evakwati mill-inħawi f’lejl wieħed biss. Is-Sindku, fl-istess ħin, sostna li ‘il-belt ta’ Ravenna saret irrikonoxxibbli fost il-ħsarat li sofriet mill-elementi’.