Melvin Carmel Micallef, bennej ta’ 32 sena minn Ħal Lija tressaq il-Qorti akkużat li fil-15 ta’ Mejju, għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu, biswit ir-roundabout f’San Pawl il-Baħar, uża arma tan-nar li ma kellux liċenzja fuqha u kkawża biża’ lill-allegat vittma Emanuel Attard li se tintuża vjolenza kontrih.
Il-każ seħħ meta Micallef beda jsuq bi traskuraġni, u Emanuel Attard, li kien fil-vettura ta’ warajh teptiplu d-dawl. Meta ra d-dawl jgħammex, is-suspettat ħareġ pistola u spara tir, li ma kienx fid-direzzjoni tal-vettura.
Minħabba li l-vettura ma kinitx tgħajjat direttament lil Micallef, iżda kien hemm sitt persuni oħra qablu li xtraw u regħu biegħu l-karozza, u anie minħabba l-fatt li l-pistola ma nstabitx għand is-suspettat, il-Qorti rat it-talba tal-ispettur Christian Cauchi u ħadet kampjuni mill-imnieħer, mill-widnejn u minn fuq ix-xagħar tal-imputat.
Il-Qorti ħatret ukoll lill-espert Matthew Grima sabiex janalizzahom għall-Gun Shot Residue. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tatu l-libertà proviżorja, irid jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa, jirtira d-dar fl-10 ta’ bil-lejl, irid iħallas depożitu ta’ 3000 ewro u garanzija personali ta’ 17,000 ewro. Għal akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Shaun Zammit.
//= $special ?>