Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €4,000 fuq traffikar ta’ cannabis

Żagħżugħ ta’ 22 sena mir-Renju Unit u li huwa residenti Ta’ Kerċem ġie kkundannat sentejn ħabs mill-Qorti ta’ Għawdex u mmultat €4,000 wara li nstab ħati li ttrafika d-droga cannabis u li saq karozza b’mod traskurat u perikoluż. Jack George Bedding kien tressaq mixli mill-Ispettur Mark Mercieca bil-każ jinstema’ u jiġi deċiż mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li sejħitlu theddida għas-soċjeta.

Huwa nstab ħati li fit-12 ta’ Frar 2022, u fix-xhur ta’ qabel, ittraffika l-cannabis, li kien fil-pussess tal-imsemmija droga li juri li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u li naqas li jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Qorti imposti fis-6 ta’ Ġunju 2019 fuq każ ieħor.

Instab ħati li saq Mercedes b’mod traskurat u perikoluż, bla liċenzja u polza tal-assikurazzjoni u li kiser sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fis-26 ta’ Settembru 2017. Il-prosekuzzjoni qalet li l-pulizija nnutaw lil Bedding isuq b’mod perikoluż u b’veloċità eċċessiva minn Ta’ Kerċem sar-Ramla f’Għawdex u anke osservawh jieqaf u persuna titla’ fil-karozza.

Hawn huma waqqfuh u waqt tfittxija fil-karozza sabu diversi qratas bil-cannabis u €75 waqt li fi tfittxija f’daru nstabet aktar droga, miżien diġitali u numru ta’ boroż żgħar tal-plastik. Espert imqabbad mill-Qorti biex jeżamina d-droga kkonkluda li b’kollox inqabdu 39 gramma cannabis b’purità ta’ 12%.

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti qalet li l-akkużat kien jisfrutta d-dipendenza tan-nies fuq id-droga. Qalet li dan kien każ fejn l-aġir kriminali ta’ Bedding ma kienx ta’ darba biss. Meta kien il-ħabs dejjem irriżulta negattiv għad-droga u għalhekk din ma kinitx għalih.

Il-Maġistrat qalet li Bedding kien jisfrutta d-dipendenza ta’ nies oħra fuq il-cannabis biex jagħmel il-flus minn fuqhom u dan huwa evidenti anke minn ritratti li kellu tiegħu jżomm ammonti kbar ta’ flus. “Minkejja l-età żgħira tiegħu Bedding huwa nieqes mill-valuri bażiċi u ħalla l-istint kriminal jirkbu waqt li sar sinjur minn fuq vizzju li għamel lil ħaddieħor skjav”, qalet il-Qorti.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li m’hemmx dubju li huwa theddida għas-soċjetà, fosthom lill-iktar vulnerabbli, li għandhom il-vizzju tad-droga, u għamel il-flus minn fuqhom. Minbarra s-sentejn ħabs u l-multa ta’ €4,000 hija ordnatlu jħallas €1,723 tal-esperti mqabbda mill-Qorti u li €11,500 marbuta mal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor jgħaddu wkoll għand il-Gvern.

Il-Qorti skwalifikatlu wkoll il-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin, ordnat li l-Mercedes Benz tgħaddi għand il-Gvern u talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga lil Bedding għall-possibilità ta’ ħasil ta’ flus. Il-prosekuzzjoni tmrxxiet mill-Ispettur Mark Mercieca.