Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq kompliċità fi ħruq ta’ ħanut f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 50 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie kundannat tliet snin ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li kien kompliċi fi ħruq ta’ ħanut f’Ħal Qormi. Ir-reat seħħ fi-29 ta’ Awwissu 2021 bejn l-10.30 pm. u l-11.30 pm. f’ħanut tal-fjuri u pjnati li jinsab fi Triq il-Ħammieri.

Mill-provi ħareġ illi dan l-istabbiliment jinsab mad-dar tal-vittma għalkemm għandu entratura differenti. Is-sid kien qiegħed id-dar flimkien mal-mara tiegħu u ż-żewġ uliedu fil-ħin tal-ħruq u kienu kollha reqdin. Jirriżulta wkoll li b’riżultat tan-nar li tqabbad mal-bieb tal-istabbiliment, dan ġarrab ħsara u l-ħsara saret ukoll ġewwa l-ħanut, iżda n-nar ma kienx laħaq infirex għas-sular ta’ fuq tal-ħanut jew f’xi proprjetajiet adjaċenti u dan minħabba l-intervent fil-pront ta’ xi ġirien li tfew in-nirien.

Sid il-ħanut xehed illi saru t-tiswijiet kollha tal-ħsarat tal-ħruq u ħallas spejjeż ammontanti għal ftit inqas minn €,3,000 għal dawn it-tiswijiet. Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, jirriżulta illi quddiem il-bieb tal-istabbiliment instabu fdalijiet ta’ jerrycan imdewba u kien hemm ukoll riħa ta’ fjuwil fuq il-post.

Fil-fatt, l-espert David Borg Saydon maħtur fl-Inkjesta kkonkluda illi minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ kif seħħ l-inċident, il-ħruq sar bl-intenzjoni li ssir il-ħsara u jbeżża’. Meta l-Pulizija eżaminaw il-filmati li nġabru mill-espert maħtur fl-Inkjesta Maġisterjali minn diversi CCTV cameras fl-inħawi, innotaw vettura tal-għamla Suzuki Alto.

Din waqfet ftit ‘l isfel mill-istabbiliment u minnha ħarġu żewġ persuni li telgħu ‘l fuq, fejn wieħed minnhom kellu jerrycan f’idu kif ukoll umbrella u poġġa l-jerrycan eżatt quddiem il-bieb tal-ħanut filwaqt li l-ieħor, ta’ statura rqajjaq li kien qed jistenna fil-viċin, ta n-nar lil dan il-jerrycan.

Cameras qabdu l-karozza fil-fatt tieqaf fejn il-ħanut

Minn cameras oħrajn li nġabru minn ġewwa Triq San Ġorġ, Ħal Qormi il-Pulizija rnexxielhom jagħrfu n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura Suzuki Alto ta’ lewn blu. L-imputat, waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija fid-9 ta’ Settembru 2021, ammetta l-involviment tiegħu fil-ħruq tal-bieb tal-ħanut fejn spjega illi huwa kien ġie mitlub minn ċertu Damiano Alfio Ranisi Torrisi biex iwasslu sa Ħal Qormi fil-11pm għaliex inqalagħtlu problema.

Stqarr li kien bil-karozza li kien silef mingħand il-mekkanik ħabib tiegħu, u Damiano qallu biex jieqaf ġo service station fl-akkwati ta’ Ħaż Żebbuġ fejn mela jerrycan bil-fuel għaliex, skont ma qallu dak il-ħin, ħabib tiegħu kien waqaf bil-karozza mingħajr petrol.

Damiano sab jerrycan u melieh bil-fuel. Minn hemmhekk Damiano qallu minn fejn kellu jgħaddi u qallu wkoll fejn kellu jwaqqaf il-karozza. Hu ressaq il-karozza ftit lura biex jipparkjaha sew għaliex kien waqaf quddiem garaxx u kif niżlu
mill-karozza u staqsih fejn qiegħed sieħbu, Damiano Torrisi qallu li ħabib tiegħu kellu jieħu xi flus mingħand wieħed tal-fjuri u talbu biex jqabbadlu l-ħanut biex jagħtih twissija.

Qallu li kien ser jitfa’ l-petrol u jtih in-nar. Kif sema’ dan, l-imputat baqa’ tiela’ ‘l fuq fit-triq għaliex inħasad b’dak li Damiano kien qallu li ser jagħmel, iżda beża’ minnu u ddeċieda li jagħmel kif jgħidlu. Damiano qallu li kien ser jitfa’ l-petrol fuq il-bieb tal-ħanut u tah struzzjonijiet biex jixgħel il-petrol billi jitfa’ sulfarina.

Hu hekk għamel, xegħel il-lighter, filwaqt li Damiano Torrisi kien qed jgħatti lilu nnifsb’umbrella fuq rasu, u telgħet ħuġġieġa. Hemmhekk huma ħarbu minn fuq il-post bilkarozza. Sostna li hu ma kien tħallas xejn u ma ħa ebda kumpens għal dak li kien ġie mqabbad jagħmel.

Il-ħati kkopera ħafna mal-Pulizija

Waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija l-imputat kien għadda wkoll minn jeddu lill-Pulizija l-ħwejjeġ kif ukoll iż-żarbun li kien liebes meta ta n-nar lill-post. Din l-istess verżjoni,, xehdha l-imputat bil-ġurament quddiem il-Qorti fejn afferma illi kien Damiano Alfio Raniro Torrisi li kien qabbdu jagħti n-nar.

Il-Qorti għall-fini tal-piena qalet li ma tistax ma tieħux qies tal-ammissjoni bikrija tal-imputat lill-Pulizija u l-ko-operazzjoni sħiħa tiegħu matul l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tant illi mhux biss spjegalhom l-irqaqat kollha is-sekwenza tal-fatti marbutin mad-delitt u tahom ukoll il-ħwejjeġ li kien liebes waqt il-kommissjoni tad-delitt, iżda fuq kollox żvela l-identita’ tal-mandant tiegħu, Damiano Alfio Raniro Torrisi, li wara ġie arrestat u jinsab akkużat quddiem il-Qorti b’rabta mal-istess ħruq volontrarju.

Ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt illi filwaqt li l-imputat ma kienx il-0mandant iżda kien kompliċi fid-delitt u jirriżulta wkoll li l-kommissjoni tad-delitt ma kienx premeditat minnu: għall-kuntrarju, jidher li l-imputat seta’ kien ġie żvijat mill-kompliċi tiegħu biex imur fuq ilpost biex jitwettaq id-delitt.

Din il-verżjoni tal-imputat kienet waħda konsistenti u mhux kontrastata, u ġiet mistqarra minnu sija waqt l-interrogazzjoni, u sija wkoll fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti u tingħata affidabbilita’ anke mill-fatt li l-imputat kixef id-dettallji kollha tal-każ lill-Pulizija u assistihom pjenament u b’mod assolut fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Madankollu, fl-istess waqt il-Qorti ma tistax ma tieħux in konsiderazzjoni l-fedina penali oneruża ferm tal-imputat kif ukoll il-fatt illi minkejja li l-imputat ammetta bla tlaqliq il-ħtija tiegħu sa minn meta ġie interrogat mill-Pulizija fid-9 ta’ Settembru 2021, konfessjoni li ġiet riaffermata fix-xhieda ġuramentata tiegħu quddiem il-Qorti, dawn il-proċeduri kellhom jinstemgħu fit-totalità tagħhom fuq medda ta’ sena u nofs bis-smigħ tax-xhieda kollha tal-Prosekuzzjoni u tad-difiża.

Il-Qorti ordnat wkoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-ħati għall-protezzjoni tas-sigurta’ tal-vittma u l-familja immedjata tiegħu għal żmien tliet snin, liema żmien għandu jibda jiddekorri kif tiġi skontata l-piena ta’ priġunerija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Xiberras u Roderick Agius.


.