Sayfedine Bonavia ta’ 19-il sena minn San Pawl il-Baħar ġie kundannat tliet snin u erba’ xhur ħabs wara li nstab ħatti li kkommetta attentat ta’ ferita gravi fuq dak li kien ħabib kbir tiegħu permezz ta’ xafra. Mill-provi rriżulta li kemm hu kif ukoll il-vittma kienu joħorġu ma’ l-istess tfajla. L-inċident seħħ fil-21 ta’ Novembru, 2021 b’sikkina tal-ħobż, li qatt ma nsabet.
Mill-provi li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ħareġ li għall-ħabta tat-3.00a.m., kien Bonavia li rraporta fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra li kien għadu kif gie aggredit quddiem l-istabbiliment Velvet Lounge fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, San Pawl il-Bahar.
Huwa qal li kellu argument ma’ certu Sammy Alwakil, li kien aggredieh b’sikkina ta’ madwar 30 ċentimetru kif ukoll tah daqqa ta’ ponn fuq wiccu. Huwa ippreċiza li x-xafra tas-sikkina ma ntuzatx fuqu, pero kien qala’ daqqa bil-manku tagħha fuq spalltu n-naħa tax-xellug.
Meta ftit ġranet wara l-Pulizija għamlet kuntatt ma’ Sammy Alwakil, li qal li wara l-inċident li kellu mal-imputat quddiem il-Velvet Lounge, huwa telaq minn fuq il-post. Meta kien fi Triq il-Kavetta, San Pawl il-Baħar, l-imputat aggredieh ħabta u sabta b’mus u ipprova jolqtu f’wiċċu.
Imbaghad l-imputat prova jolqtu f’żaqqu u huwa pprova jilqgħalu b’idejh tal-lemin. Il-mus daħal fuq in-naha ta’ fuq ta’
idejh tal-lemin. Meta l-imputat ra d-demm, hu telaq jiġri minn fuq il-post. Sammy ġie ċertifikat minn tabib li kellu qatgħa ta’ madwar ċentimetru f’idejh, li ġiet deskritta bħala waħda ta’ natura ħafifa. Apparti din il-ferita, iċ-ċertifikat mediku jgħid li kellu xi grif fuq ġismu.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru mill-Uffiċjal Investigatur irriżulta li l-imputat u Sammy Alwakil trabbew flimkien qishom aħwa u l-motiv li wassal għal dawn l-inċidenti kien ‘love triangle’ ma’ tfajla Clara Farrugia, li l-ewwel kienet
toħroġ ma’ Alwakil u mbagħad bdiet toħroġ mal-imputat.
Verżjonijiet differenti tal-inċident
Wara li tlestew l-investigazzjonijiet, il-Pulizija ikkonkludiet li kemm l-imputat kif ukoll Alwakil għandhom jitressqu l-Qorti sabiex iwieħbu għall-akkużi. Mill-atti jirriżulta li kien hemm xejn inqas minn seba’ verżjonijiet tal-inċident in
kwistjoni
Mill-kumpless tal-provi l-Qorti qalet li l-Qorti hi sodisfatta li l-verżjoni tal-fatti mogħtija minn Clara Farrugia u Sammy Alwakil fix-xhieda taghhom hija dik l-iktar kredibbli. Skond din il-verżjoni, Farrugia u l-imputat kienu għal kwiet jieħdu drink, meta ġie Alwakil.
L-imputat ħareġ ikellmu u spiċċaw gew fl-idejn, tant li kellhom jifirduhom in-nies. Alwakil telaq għal rasu fil-waqt li l-imputat daħal lura il-Velvet Lounge, pero ftit ħin wara l-imputat qabad u telaq mill-istabbiliment, mingħajr ma qal lil Farrugia fejn kien sejjer.
Farrugia marret fl-istabbiliment Babylon, f’Bugibba stess, fejn reġgħet iltaqghet mal-imputat u staqsietu kienx kollox sew. Huwa wieġibha “jien dejjem all right”, għolla l-ġakketta tiegħu mill-genb u rat sikkina mdaħħla ġol-qalziet tiegħu. L-imputat ħareġ minn dan l-istabbiliment, u hija ħarġet warajh iżda ma ratux fit-triq.
Minflok fit-triq rat lil Alwakil b’sikkina tal-kċina f’idu. Hi qaltlu biex ma jagħmilx kummiedji, u ħaditu id-dar t’ommu, li toqgħod ftit il-fuq, u hu taha s-sikkina lil ommu. Alwakil qabad u telaq mid-dar ta’ ommu mingħajr ma kellem lil ħadd. Farrugia reġgħet marret tfittex lil Alwakil u sabitu fit-triq tal-istabbiliment Babylon, b’ferita lejn in-naħa tal-minkeb t’idu. Alwakil qalilha li lħimputat kien ħareġ minn wara ċint, u ipprova itih b’sikkina, u laqgħalu b’idu.
Wara dan l-inċident, Farrugia pruvat tikkuntattja lill-imputat minn fuq Instagram biex tara x’ġara. Huwa ikkanċella l-voice messages li kien bagħtielha jispjegalha x’ġara, pero meta kellmuha l-Pulizija kien għad fadlilha chats li hi bagħtet lill-imputat fejn qaltlu li kienet marret tfittxu.
Hi kienet ħadet is-sikkina minn id Alwakil, għax omm Alwakil qaltilha biex tagħmel hekk. Screen shot ta’ din ic-chat
ittieħdet mill-Ufficjal Prosekutur mill-mobile ta’ Farrugia waqt l-investigazzjoni tiegħu. Fix-xhieda tiegħu Alwakil qabel max-xhieda ta’ Farrugia. Hu ta iktar dettalji dwar il-mod kif l-imputat kien aggredieh b’sikkina.
Xehed li din kienet tip ta’ sikkina tal-hobż imma kienet bil-ponta, b’xafra ta’ xi 30 ċentimetru. Jghid li l-ewwel ipprova jagħtih daqqa biha ġo nofs wiċċu, imbagħad prova jagħtih daqqa f’żaqqu. Alwakil prova jilqa’ d-daqqa b’idejh it-tnejn, u s-sikkina daħlet fil-minkeb t’idu l-lemin.
Ġlied quddiem stabbiliment
Skond Alwakil, meta hu u l-imputat kellhom xi jghidu ftit qabel quddiem il-Velvet Lounge, kien l-imputat li tah daqqa ta’ ponn l-ewwel u jgħid ukoll li fil-qalziet tiegħu, l-imputat kellu imdaħħla sikkina ta’ madwar l-istess qies, għax jgħid li ħassha tniggżu f’koxxtu waqt li kienu fiżikament imqabbdin ġo xulxin. Pero mhux kontestat li dak il-ħin l-imputat ma użax is-sikkina.
l-imputat xehed li quddiem il-Velvet Lounge Alwakil kellu ħadida u tah daqqa biha u laqtu fuq spalltu tal-lemin. Hu qal li wara l-ġlieda mar id-dar għand ommu, imbagħad reġa’ ħareġ u mar ħdejn il-baħar in-naħa tal-pjazza ta’ Buġibba. Ommu ċempiltlu li Alwakil kien qiegħed jgħajjat ħdejn id-dar tagħhom u kellu sikkina f’idu. Jgħid ukoll li ommu qaltlu li miegħu kien hemm Clara Farrugia u omm Alwakil.
Imbaghad reġgħet ċemplitlu ommu u qaltlu li kienet ġejja għalih bil-karozza, kif fil-fatt għamlet. Fil-karozza kien hemm ukoll omm Alwakil, li wassluha d-dar tagħha, imbagħad marru l-għassa biex hu jagħmel ir-rapport lill-Pulizija. Hu jgħid li l-aħħar darba li ra lil Alwakil kien quddiem il-Velvet Lounge.
Il-Qorti qalet li kienet qed titratta mal-impuat għal ksur tal-ordni ta’ probation li ġiet imposta fuqu bis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2020. B’din is-sentenza, l-imputat kien nstab ħati, fuq ammissjoni tiegħu ta’ żewġ serqiet li jeċċedi l-€2329.37ċ, tliet imputazzjonijiet ta’ ħsara volontarja li teċċedi l-€2,500 u imputazzjoni ta’ ħsara volontarja li ma teċċedix l-€2,500, iżda iżjed €250
Il-Qorti qalet li ma tarax il-ħtieġa li tpoġġi lill-imputat taħt ordni ta’ trattament għax huwa diga qed jiġi segwit b’ordni ta’ trattament ghal tliet snin, in segwitu għasġsentenza tat-12 ta’ Mejju 2022. Il-Qorti qalet li temmen li sabiex programm ta’ riabilitazzjoni ikun suċċess din għandha tkun triq li jagħżel hu b’mod volontarju u determinat.
L-imputat diga ghandu l-care plan worker co-ordinator u l-psikjatra tal-habs jassistuh biex jaghmel dan. Fut ir-reat ta’ attentat ta’ ferita gravi l-Qorti kkundannatu sentejn ħabs u 16-il xahar ħabs oħra talli kiser ordni ta’ proabtion. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.