Sevilla v Juventus 2-1 (3-2)
Sevilla se jaffrontaw lil Roma fil-finali tal-UEFA Europa League ta’ din is-sena hekk kif għelbu lil Juventus fil-Ramon Sanchez b’rebħa missielta ta’ 2-1, b’aggregate ta’ 3-2. Sevilla li huma l-iktar tim li rebaħ din il-kompetizzjoni, b’sitt unuri f’isimhom, irnexxielhom idawwru telfa f’rebħa b’gowl ta’ Erik Lamela fil-ħin barrani.
Juventus kważi marru fil-vantaġġ wara 42 minuta logħob meta Adrien Rabiot sab ix-xibka minn kross baxx ta’ Locatelli, madankollu l-midfielder Taljan kien jinsab f’pożizzjoni rregolari u l-referee Danny Makkelie ddeċieda li jħassar il-gowl.
B’hekk iż-żewġ timijiet daħlu għal ħin tal-mistrieħ f’parità ta’ 0-0.
Il-Bianconeri rnexxielhom imorru fil-vantaġġ wara ħafna pressjoni mit-tim Spanjol fil-61 minuta permezz tas-sostitut Dusan Vlahovic meta minn pass ta’ Rabiot l-attakkant Serb żmarka ruħu u qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper Bono.
Sevilla rnexxielhom jiksbu d-draw għaxar minuti wara meta Suso sab ix-xibka minn barra l-kaxxa meta kkapitalizza fuq iż-żball ta’ Federico Chiesa u ttanta xortih b’xutt mill-isbaħ.
Wara ħafna azzjonijiet għaż-żewġ timijiet, l-ebda tim ma kien kapaċi jsib il-lasta u b’hekk il-partita kellha tmur għal ħin barrani.
Sevilla skurjaw il-gowl tar-rebħa fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani permezz tal-attakant Arġentin Erik Lamela li skurja gowl mhux tas-soltu għaliħ meta għeleb lil Szczesny b’daqqa ta’ ras minn kross pinġut ta’ Gil.
Fil-115-il minuta Sevilla spiċċaw jilgħabu b’għaxra wara li tkeċċa l-plejer Arġentin Marcos Acuna wara li ntwera t-tieni karta safra tiegħu tal-partita minħabba ħela ta’ ħin mill-partita. Dan ifisser li Acuna mhux se jkun disponibbli għal Sevilla fil-finali.
Bayer Leverkusen v Roma 0-0 (0-1)
Fil-BayArena, Roma għaddew għall-finali b’aggregate ta’ 1-0 wara li rnexxielhom iżommu l-avversarju tagħhom barra minn darhom f’parità ta’ 0-0
Simili ta’ l-ewwel taqsima fi Stadio Olimpico, l-ebda tim ma rnexxielu jsib ix-xibka, bl-andament tal-partita jkun bilanċjat fejn iż-żewġ skwadri kellhom opportunitajiet denji sabiex imorru fil-vantaġġ.
It-tieni taqsima ukoll ma offriet l-ebda gowl, biex b’hekk it-tim mill-kapitali tal-Italja għamilha għat-tieni finali ta’ kompetizzjoni Ewropea fit-tmexxija ta’ Mourinho, hekk kif is-sena l-oħra rebħu l-ewwel edizzjoni tal-UEFA Europa Conference League kontra Feyenoord bl-iskor ta’ 1-0.
Il-finali bejn Roma u Sevilla se tintlagħab l-Erbgħa 31 ta’ Mejju fid-9:00pm fil-Puskas Arena f’Budapest.
Fil-UEFA Europa Conference League, West Ham United u Fiorentina għaddew għall-finali li se tintlagħab fis-7 ta’ Ġunju fil-Prauge Eden Arena fid-9:00pm.
Riżultati:
UEFA EUROPA LEAGUE
Illum: Sevilla v Juventus 2-1 (3-2), Bayer Leverkusen v Roma 0-0 (1-0)
UEFA CHAMPIONS LEAGUE
It-Tlieta: Inter v Milan 1-0(3-0)
L-Erbgħa: Man City v R.Madrid 4-0 (5-1)
UEFA EUROPA CONFERENCE LEAGUE
illum: Basel v Fiorentina 1-3 (3-4) , AZ v West Ham U 0-1 (1-3)
//= $special ?>