Lokali

Atmosfera mill-isbaħ għal “Festa Tfal” fil-Fgura

Ftit tal-jiem ilu fil-Fgura kienet organizzata ‘Festa Tfal’ mill-Kunsill Lokali tal-Fgura flimkien mal-Iskola Primarja tal-Fgura, u bil-parteċipazzjoni tal-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu tal-Fgura, il-Kummissjoni Festa Esterna flimkien mal-Parroċċa.

Minkejja l-elementi tar-riħ, it-toroq ewlenin bejn l-iskola tal-Fgura u l-Knisja sebbħu f’atmosfera ta’ festa. It-tfal tal-iskola Primarja tal-Fgura refgħu l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, li normalment tintuża fil-manifestazzjoni tat-tfal fil-ġimgħa tal-Festa f’Lulju. Il-Banda tal-lokal kompliet żiedet fl-atmosfera, hekk kif akkumpanjata mit-tfal daqqet l-innu popolari, “fIl-Ħlewwa ta’ Mejju”. 

Madwar erba’ mitt tifel u tifla wara li mxew mill-iskola sal-Knisja Parrokkjali, ħadu sehem f’quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan, Patri Raymond Calleja, li matulha saret  iċ-ċerimonja tal-inkoronazzjoni tal-Madonna b’kuruna ffjurita maħduma u mżanżna għall-okkażjoni.    

It-tfal kienu ppreparati b’mod edukattiv mill-għalliema, biex iħejju kitba, poeżija, tpinġija u kull immaġinazzjoni tagħhom dwar xi tfisser għalihom il-festa fejn spikka l-element krejattiv tat-tfal, hekk kif waħda mit-tfal kitbet diska oriġinali għall-okkazzjoni, kompluta b’mużika oriġinali, fil-waqt li tifla oħra għamlet mudell ta’ faċċata tal-knisja armata għall-festa. 

Uħud mix-xogħlijiet inqraw fil-knisja stess fi tmiem il-quddiesa. Fi tmiem il-quddiesa wkoll rappreżentanti taż-żewġ għaqdiet lokali ħeġġew lit-tfal biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-festa u fl-għaqdiet lokali, kif ukoll li jirrikoru għat-tagħlim tal-mużika, li hu offrut b’xejn mill-Każin tal-Banda.  

Wara l-quddiesa sar marċ brijuz sal-iskola filwaqt li grupp ta’ studenti poġġew bukket fjuri quddiem l-istatwa tal-Madonna fil-pjazza ta’ wara l-Knisja.