Il-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti Stanley Zammit, Julie Zahra u Janice Chetcuti, iltaqgħu ma’ diversi għaqdiet non-governattivi għall-ambjent, fil-Parlament Malti.
Dan hekk kif pajjiżna jinsab fi kriżi ambjentali fid-dawl tal-kostruzzjoni irresponsabbli u qerda tal-ambjent naturali Malti.
F’din id-diskussjoni, dehret ċara r-realtà li pajjiżna m’għadux dak li kien diversi snin ilu, hekk kif issa maħkum minn nuqqas ta’ arja nadifa, artijiet naturali, u kostruzzjoni irresponsabbli.
Bernard Grech stqarr li l-ambjent naturali Malti dejjem kien ta’ importanza fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif saħansitra fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet, ġew proposti diversi inizzjattivi biex il-kumpaniji Maltin u s-soċjetà Maltija jħarsu l-ambjent naturali Malti.
Qal li s-sostenn tal-ambjent naturali Malti huwa importanti mhux biss għas-soċjetà Maltija llum, iżda ukoll għall-poplu Malti ta’ għada u għall-familji Maltin u Għawdxin.
L-NGO’s preżenti stqarrew li l-gżejjer Maltin qegħdin jitilfu l-identità tagħhom, tant hu hekk, li anki l-wirt Nazzjonali jinsab f’periklu, hekk kif lokalitajiet li suppost huma protetti mill-kostruzzjoni u l-qerda, qegħdin jiġu meqruda b’iżjed bini.
Fost dawn il-postijiet hemm Manoel Island, Fomm ir-Riħ u l-gżira ta’ Kemmuna, gżira li qed tiġi mhedda minn pjanijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tinbena binja ta’ kumpless enormi. Azzjoni li qajmet furfur fost l-NGO’s għall-ambjent, f’Jannar li għadda.
Diversi rappreżentanti tal-għaqdiet ambjentali tennew, li dawn il-postijiet huma l-pulmun tal-lokalitajiet Maltin, filwaqt li ħafna minnhom isalvaw il-lokalitajiet minn għargħar tal-maltemp.
Julie Zahra stqarret li l-identità Maltija hija fiċ-ċentur tal-ħidma tal-PN, filwaqt li tenniet li l-politiċi u l-għaqdiet non-governattivi għall-ambjent, għandhom jaħdmu id f’id biex jiġi salvagwardjat l-ambjent storiku u naturali Malti u Għawdxi filwaqt li jiġu protetti l-ftit spazji naturali li fadallu pajjiżna.
Janice Chetcuti spjegat kif il-PN ippreżenta pjan fuq l-enerġija sostenibbli permezz ta’ offshore windfarms, hekk kif l-ambjent kien dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Mhux biss minħabba l-importanza naturali iżda ukoll dik personali fuq kull individwu. Kompliet tgħid kif l-ambjent naturali huwa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea, fejn qed taħdem biex l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent li jnaqqas l-emmissjonijiet permezz tal-ambjent naturali.
L-għaqdiet non-governattivi tennew kif hija responsabbiltà tal-politiċi Maltin li ssir bidla fl-ambjent naturali ta’ pajjiżna filwaqt li enfasizzaw li dan id-djalogu huwa utli biex issir il-bidla meħtieġa.
Stanley Zammit spjega li l-PN dejjem kellu għal-qalbu, u se jibqà jkollu, id-djalogu u l-komunikazzjoni għal pajjiż aħjar, biex jiġu introdotti liġijiet u policies ambjentali li jkunu utli għall-ambjent naturali Malti fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.
L-għaqdiet non-governattivi preżenti kienu Rota, Flimkien għall-Ambjent Aħjar, The Ramblers’ Association, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, Kumissjoni Ġustizzja u Paċi, Birdlife Malta u Friends of the Earth.
//= $special ?>