Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta emendi għall-Avviż Legali 96 tal-2023, li jemenda r-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti biex dan il-proċess ikun wieħed ċar, trasparenti u ta’ governanza tajba, kif ukoll għax irid ħarsien xieraq u denju fil-post tax-xogħol.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Stanley Zammit, il-Partit Nazzjonalista jifhem li ċerti sidien ta’ propjetà m’humiex f’pożizzjoni li jqegħdu fis-suq jew jakkwistaw self bankarju għall-propjetà tagħhom minħabba illegalità li mhix sanzjonabbli li setgħet seħħet qabel l-2016.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li, minbarra applikazzjonijiet għar-regolarizzazzjoni għal bini irregolari u strutturi li jaqgħu kompletament fil-konfini tal-iżvilupp, għandhom ikunu aċċettati wkoll applikazzjonijiet għar-regolarizzazzjoni ta’ każi ġenwini ta’ propjetajiet ta’ qabel l-2016 u li huma parzjalment lil hinn mill-konfini tal-iżvilupp, iżda li huma koperti b’permess eżistenti, inkluż fejn l-iżvilupp kollu hu f’Settlement Rurali ta’ Kategorija 1 sakemm, fi kwalunkwe każ, ma joħloqx ħsara lil tal-madwar.
Minħabba nuqqas ta’ definizzjonijiet u għax it-test ma jpoġġi l-ebda limitu għaz-zona (area) li testendi barra mill-iżvilupp (ODZ) jew xi proporzjon (ratio) bejn il-parti li hi fiz-zona ta’ żvilupp u l-parti li m’hijiex, l-Avviż Legali jagħti lok għall-interpretazzjoni li dan l-eżerċizzju jippremja lil min abbuża, li jikkonferma atroċitajiet fl-iżvilupp u li jippromwovi l-kultura ta’ sanzjonar għax, b’mod wiesgħa ħafna, jagħti jedd lil min abbuża biex igawdi l-frott tal-għemil abbużiv tiegħu billi jħallas xi penali jew piena finanzjarja. Dan jimmina s-saltna tad-dritt.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jkun ikkunsidrat jekk ir-regolarizzazzjoni fiz-Zona Barra mill-Iżvilupp (ODZ) tistax issir jew le f’siti Natura 2000, f’zoni ta’ relevanza storika u/jew f’zoni ta’ wirt kulturali minflok f’każi biss fejn “l-iżvilupp ma jikkostitwixxix ħsara lill-amenity”.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li wasal iż-żmien li pajjiżna ma jibqax iqis l-iżvilupp bħala attività li trid issir akkost ta’ kull ħsara li kapaċi tagħmel, irid żvilupp li hu verament sostenibbli u li jikkumplimenta l-viżjoni tal-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll li z-Zoni Barra mill-Iżvilupp (ODZ) u l-pajsaġġ uniku ta’ pajjiżna jkunu protetti anke billi art pubblika tiżdied maz-zoni meqjusin barra mill-iżvilupp u li jkun meħtieġ il-vot taż-żewġ terżi tal-Parlament biex tiddaħħal fiz-zona tal-iżvilupp.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq l-emendi għal dan l-Avviż Legali biex bil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, l-Awtorità tal-Ippjanar, li hi responsabbli biex tipprovdi ambjent ibbilanċjat u sostennibli għal kwalità ta’ ħajja aħjar, tkun tista’ tressaq lill-Parlament policy u kriterji ta’ fejn u liema tip ta’ żvilupp jista’ jkun regolarizzat biex il-proċess ikun wieħed ċar, trasparenti u ta’ governanza tajba.
//= $special ?>