Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq poġġiet raġel ta’ 54 sena fuq probation għall-perjodu ta’ tliet snin biex jgħinu għall-aħħar darba jiffaċċa l-problemi li għadda minnhom f’ħajtu. Dan wara li ammetta li seraq ġiżirana tal-fidda minn ħanut tad-deheb fil-5 ta’ April li għadda.
Ir-raġel li ismu mhux jissemma biex ta’ l-anqas l-aħħar ċans li ngħata mill-Qorti ma jispiċċax fix-xejn għadda minn ħafna fil-passat. Wara li kien mistoqsi mill-Qorti x’ġiegħlu jisraq, xi ħaġa li għamel ukoll fil-passat, qal li hu kellu problemi piskjatriċi u psikoloġiki u li jbat ħafna mis-solitudni. Tant li kien qed itella’ u jniżżel li jikkommetti suwiċidju.
Qal li ilu jaħdem għal 20 xahar f’lukanda tas-Sliema u li sejjer tajjeb, madankollu jkun hemm mumenti li moħħu jfalli xi ftit. Tenna li jaħdem fil-kċina, jgħid lil kok. Meta misoqsi jekk kienx se jikkonferma l-ammissjoni tiegħu, l-ħati wieġeb; “iva – ma rridx naħrab mir-responsabbilità.”
“Vera wettaqt xi ħaġa simili madwar erba’ snin ilu u meta dħalt fil-ħanut, u kellha raġun, is-salegirl kienet iebsa miegħi u għajritni miġnun. Kien għalhekk li ma mortx lura l-ħanut biex nirritorna l-ġiżirana. Meta wasal id-dar indundajt li żbaljajt u xtaq immur lura biha, dan il-każ ilu issa sitt ġimgħat u li kieku ridt kont inbiegħha.
“Imma m’għamiltx hekk. Dalwaqt se nieħu post mill-housing. Ngħix waħdi u nbati xi kultant. Mhux dejjem inkun ħażin, anzi ħafna drabi nkun tajjeb u noqgħod insajjar, imma jiġuni mumenti ħżiena,” qal ir-raġel.
Mhux aħjar mort tieħu kafe – dak inhar? Staqsieh il-Maġistrat. “Iva vera” u qed nieħu gost li qed tagħtini l-pariri mhux biss bħala Maġistrat wieġeb il-ħati. Qal li jinsab konvint li jinsab fit-triq it-tajba,” huwa qal hekk kif deher emmozzjant ħafna.
L-Ispettur Shamus Woods qal li fil-5 ta’ April daħal raport l-Għassa ta’ Tas-Sliema fuq is-serqa minn raġel li daħal fil-ħanut li ma kienx mgħaddad u li kien tefa’ xi ħaġa f’baskett tal-karti u telaq il-barra. Tenna li fuq id-deskrizzjoni li ngħatat il-Pulizija, l-akkużat inqabad u ġie arrestat.
L-Ispettur qal li r-raġel huwa reċidiv wara li kien seraq xi ħaġa simili żmien ilu. Bħall-Qorti l-Prosekutur qal li huwa jixtieq li l-ħati jingħata ċans ieħor, u li dan ikun l-aħħar ċans, anke fid-dawl li fil-jiem li ġejjin se jingħata residenza mill-housing.
Meta kompla jfiehem minn xhiex għadda, r-raġel qal li kien mar għal 10 sessjonijiet għand psikjatra u li ftit taż-żmien ilu qed jaħsibha li jitgħallaq. “Issa rrid naqleb il-paġna” huwa qal lill-Qorti.
Il-Maġistrat qal li l-piena għandha tkun waħda li jkollha bilanċ bejn l-interssi tas-soċjeta u l-imputat fejn minflok piena ta’ ħabs tordna li jiptoġġa taħt sorvejanza ta’ uffiċjal tal-probation għal perjodu ta’ tliet snin u tirrakomanda li jiġu appuntat psikologu u jekk hemm bżonn psikjatra biex iħares l-interessi tal-ħati. L-Avukat Yanika Bugeja dehret għall-ħati.
//= $special ?>