Ħaddiema fi ħdan l-Ispeech Language Pathology Centre f’Ħal Luqa kellhom jiġu evakwati minħabba infestazzjoni ta’ susa.
Jirriżulta li l-ħaddiema ilhom xhur jilmentaw dwar il-kundizzjonijiet ħżiena ta’ dan il-post, minħabba umdità qawwija u moffa tant li diversi ħitan kienu anki swiedu. Barra minn hekk kien hemm rapporti dwar problemi fis-sistema tad-drenaġġ, tant li xi ħaddiema qalulna li ġieli anki ntlemħu xi ġrieden.
Minkejja li xhur ilu l-post ġie fumigat, is-sitwazzjoni baqgħet sejra lura tant li fil-jiem li għaddew il-ħaddiema kellhom jiġu evakwati hekk kif is-susa tant infirxet li l-għamara tal-injam tmermret u ċediet. Minkejja din is-sitwazzjoni allarmanti, il-management qed jinsisti li parti minn din il-binja tibqa’ tintuża xorta waħda. Din il-binja tmur lura għexieren ta’ snin, imma bdiet tintuża bħala speech language centre f’Lulju tal-2018, wara li kien saru xi xogħlijiet.
Il-UHM Voice of the Workers qed titlob li sakemm is-sitwazzjoni titranġa darba għal dejjem u jsiru x-xogħlijiet li hemm bżonn, il-ħaddiema kollha jkunu trasferiti f’post alternattiv biex ma jkun hemm l-ebda periklu la għalihom u lanqas għall-eluf ta’ tfal u adulti li jingħataw servizz minn dan iċ-ċentru.
//= $special ?>