Lokali

IS-SERQA TAL-ISPTARIJIET: Il-Ministri jibqgħu jfarfu fuq l-istituzzjonijiet

Għaddiet kważi ġimgħa minn meta ġie ppubblikat r-rapport tal-NAO dwar id-deal skandaluż tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet. U sa issa… għadha ma ttieħedet ebda azzjoni min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela. Bil-Prim Ministru innifsu jibqa’ mistoħbi u ma jaffaċjax lill-media…u l-Ministri tiegħu skomdi jwieġbu.

Il-Ġimgħa filgħodu, Net News staqsa lil-Ministru responsabbli mill-Anzjani Jo Etienne Abela ir-raġuni għaliex il-Gvern tiegħu għadu ma lissen ebda kelma dwar dak li ġiet żvelat matul din il-ġimgħa. Bil-Ministru minflok jikkundanna dan is-serq… spiċċa jfarfar fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Apparti r-rapport tal-NAO…għaddew ukoll kważi ġimgħatejn mid-denunzja li ressaq il-Partit Nazzjonalista fejn qed jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga lil dawk kollha involuti f’dan l-ikbar skandlu li qatt seħħ f’pajjiżna – denunzja biex ikunu investigati l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi… kif ukoll lill-eks Ministru Edward Scicluna u lill-Ministri Chris Fearne u lil Clyde Caruana. Apparti dawn, għandu jkun investigat ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li meta daħal fis-siġġu tal-poter, ħalla dan id-deal għaddej

Minn naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ dawn in-nies… fosthom anke tal-Prim Ministru Robert Abela… kif kien konfermat mill-Prim Ministru nnifsu stess ftit tal-ġranet ilu.

Robert Abela kien sejjaħ id-denunzja imressqa mill-PN bħala waħda falza… u qal li jistgħu jinvetigawh meta jridu.  Pero, minkejja dan il-kliem sabiħ biex jipprova jimpressjoni li m’għandu xejn x’jaħbi, għadu sa issa ma resaqx ‘il quddiem sabiex ikun investigat jew biex jagħti kwalunkwe informazzjoni li għandu dwar Steward. Meta kien hu stess li approva miljuni kbar għal dan id-deal, sena wara l-oħra.

Deal li kif sirna nafu mir-rapport tal-NAO seraq lill-poplu Malti ħafna iktar minn 400 miljun ewro; li ma jinkludux il-pagi tal-ħaddiema.

Flus li żgur setgħu intużaw sabiex verament jitjieb is-settur tas-saħħa f’pajjiżna, partikolarment għall-anzjani.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela għadu sallum qed iwebbes rasu u ma jridx jiftaħ kawża kontra Vitals u Steward sabiex il-miljuni li nsterqu, jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.