Internazzjonali

Is-summit tal-G7: Impenjati għal aktar sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja

Il-Mexxejja tal-G7 – l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati fid-dinja —  temmew l-ewwel jum tas-summit ta’ tlett ijiem fil-Ġappun bi stqarrija li huma se jagħmlu minn kollox biex jiċħdu lir-Russja mit-teknoloġija, it-tagħmir industrijali u s-servizzi li Moska kapaċi tuża biex tkompli għaddejja bil-gwerra fl-Ukrajna.

L-ewwel fażi tas-summit f’Hiroshima produċiet anki stqarrija fejn l-Istati tal-G7 wiegħdu ‘passi ġodda’ lejn il-konklużjoni tal-gwerra fl-artijiet Ukreni.

Fl-istess ħin, is-seba’ pajjiżi – l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Ġappun, il-Kanada u l-Italja – mill-ġdid ikkundannaw il-Kremlin ta’ Moska għall-politika aggressiva tiegħu li qed tħalli impatt mhux biss fl-Ukrajna iżda madwar l-Ewropa.

Il-pajjiżi, imbagħad, wiegħdu aktar sanzjonijiet li għandhom iżidu l-ispejjeż għar-Russja u għal dawk kollha li qegħdin jappoġġjaw il-‘Magna tal-Gwerra’ tal-President Russu, Vladimir Putin.

Il-pjan tal-G7 jesiġi wkoll impenn biex jillimita l-introjtu tar-Russja mill-bejgħ tal-enerġija u d-djamanti.

Fil-fatt, il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, li jinsab preżenti f’Hiroshima, tenna li r-Renju Unit qed jaħseb f’pakkett ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-industrija fir-Russja li tipproduċi d-djamanti. Dan meta Londra – li ilha x-xhur fi stat ta’ gwerra bierda mar-Russja – qed taħseb għal miżuri fil-konfront ta’ aktar nies u kumpanniji b’konnessjoni mal-President Putin.

Is-summit ta’ Hiroshima, li jintemm għada l-Ħadd, mistenni jipproduċi komunikat finali dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-pożizzjoni tas-seba’ pajjiżi parteċipanti. Il-komunikat anki mistenni jinkludi stqarrija kontra l-firxa u akkwist tal-armamenti nukleari.

Filwaqt li l-grupp G7 jirrappreżenta lill-aktar demokraziji sinjuri fid-dinja, din is-sena kienu anki mistiedna jipparteċipaw tmien pajjiżi oħra, li jinkludu l-Awstralja u l-Indja.