Lokali

Jinkixfu t-trattattivi “illegali” li kien qed jagħmel Abela

Kien l-Avukat tal-Istat Chris Soler u d-Dipartiment tal-Kuntratti illi indunaw li dak li kien qed jagħmel Robert Abela ma’ Steward Healthcare…kien fil-fatt illegali.

Dan kollu joħroġ mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, bis-sit The Shift News juri kif Abela kien qed jaħdem minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi biex jagħti kuntratt ieħor lil Steward Healthcare.

Il-pjan tal-Prim Ministru kien li jwaqqa id-deal oriġinali u jagħti kuntratt dirett lil Steward. Dan apparti li kien lest joħroġ 35 miljun addizzjonali lill-istess Steward biex jakkwista l-iskola Medika ta’ Barts.

Għalkemm f’daqqa waħda il-pjan kollu sfaxxa, meta lill-Prim Ministru qalulu li din il-mossa tiegħu kienet effettivament “illegali”.

Id-deal il-ġdid ta’ Robert Abela kien maħdum bizzilla biex iżomm lil Steward għal mill-inqas 26 sena oħra.

Dan il-pjan jidher li kellu l-approvazzjoni tal-Kabinett kollu bl-Awditur jirrimarka li l-Prim Ministru kien obbilgat jiċċekja minn qabel jekk fil-fatt dawn il-manuvri kienux legalment permessibbli li jsiru.

Tant illi kollox kellu jitwaqqaf ħesrem – f’Diċembru tal-2020 – meta l-Avukat tal-Istat u d-Dipartiment tal-Kuntratti xegħlu l-bozza l-ħamra.

Dawn il-fatti li joħorġu mir-rapport tal-NAO juru li anke Robert Abela prova jdeffes subgħajh f’din l-istorja biex iżomm lil Steward Healthcare.

Apparti r-rapport iebes tal-Awditur Ġenerali, din il-ġimgħa skoprejna li hemm fatti u provi oħra li jitfgħu dawl fuq is-serqa tal-isptarijiet – serqa li swiet lill-poplu miljuni kbar, u li l-Prim Ministru għadu ma għamel xejn biex jirkuprhom lura.

Il-provi l-ġodda tressqu mill-Partit Nazzjonalista f’riskors illi sar il-Ħamis, fejn erba’ settijiet ta’ dokumenti ġew preżentati lill-Maġistrat Gabriella Vella.