Lokali Qorti

Kundannat il-ħabs wara li ammetta li seraq flus kontant biex “jixtri l-mediċina”

Raġel li ammetta li seraq borża li kien fiha flus kontanti, karti ta’ kreditu u oġġetti ta’ valur, u qal lill-Qorti li użahom biex jixtri mediċini, weħel il-ħabs wara li wieġeb ħati ta’ akkużi relatati. Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena residenti Tas-Sliema, Adam Djouambi mill-Alġerija, ġie arrestat wara li ġie rikonoxxut minn filmati tas-CCTV fil-Belt Valletta, xi ġimgħatejn wara.

L-Ispettur Keith Xerri qal lill-Maġistrat Victor Axiaq li Djouambi kien seraq il-borża li kien fiha €200 fi flus kontanti, karti ta’ kreditu u ċurkett mingħand raġel f’Pembroke fl-24 ta’ April. Aktar tard dakinhar, huwa wkoll seraq mobile mingħand klijent f’ħanut tal-ikel. f’San Ġiljan.

Sussegwentement il-pulizija kienu nttraċċawh fil-jiem ta’ wara u arrestawh. Fil-ħin tal-arrest tiegħu kien osservat li kien liebes l-istess ħwejjeġ li jidhru fuq il-filmati. Djouambi wieġeb ħati ta’ akkużi ta’ serq aggravat, frodi, qligħ ieħor frawdolenti u serq sempliċi, kif ukoll ta’ reċediv u ksur ta’ rilaxx kondizzjonali li kien ingħata jumejn biss qabel wettaq ir-reati.

Huwa qal lill-Qorti dalgħodu li kien wettaq is-serqiet biex jixtri lilu nnifsu mediċini għal kundizzjonijiet mediċi mhux speċifikati. Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-qorti kkundannat lil Djouambi għal sentejn ħabs. L-Avukat Yanika Bugeja kienet avukat difensur tal-għajnuna legali.