Ambjent Lokali Temp

L-GĦARGĦAR FL-ITALJA: Il-vittmi jitilgħu għal 14 – kważi 20,000 kellhom jaħarbu minn darhom

Telgħu għal 14 il-vittmi tal-għargħar li fl-aħħar jiem laqat ir-reġjun Taljan tal-Emilia-Romagna. Bl-awtoritajiet jistmaw li l-ħsarat ikkawżati mix-xita u l-valangi jafu jitilgħu għal miljuni ta’ ewro.

Madwar 20,000 huma l-persuni li kellhom jaħarbu minn djarhom minħabba li diversi ċentri residenzjali u villaġġi antiki spiċċaw mgħarqa bl-ilma. Dan filwaqt li 50,000 persuna għadhom mingħajr il-provvista tal-enerġija.

L-awtoritajiet qed jirrappurtaw li għad hemm ħafna persuni li għadhom ma nstabux.

Għalkemm ix-xita issa kważi waqfet kompletament, l-emerġenza għadha fis-seħħ speċjalment fl-inħawi ta’ Ravenna.

Intant, ma taqta’ xejn il-ħidma sabiex iz-zoni milquta jibdew jitnaddfu mill-valangi u l-ammont enormi ta’ tajn illi tkaxkar mal-ilmijiet. Dalgħodu, infetħet mill-ġdid ir-rotta bejn Faenza u Froli. Iżda ħafna toroq għadhom mhux aċċessibbli.