Internazzjonali

L-Iran: Era ta’ esekuzzjonijiet, bir-reġim ikompli juri l-ponn tal-ħadid

L-awtoritajiet fl-Iran esegwew il-pieni massimi għal tliet irġiel mogħtija sentenzi tal-mewt b’konnessjoni mal-protesti nazzjonali tas-sena l-oħra kontra r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei.

It-tlieta kienu kundannati dwar allegat sehem fi sparatura, f’Novembru, li swiet il-ħajja ta’ uffiċjal tal-pulizija u żewġ membri ta’ grupp paramilitari għaz-zamma tas-sigurtà fil-belt ta’ Isfahan.

Il-grupp Amnesty International —  l-osservatur ta’ sitwazzjonijiet fejn jinkisru d-drittijiet umani — qal li t-tliet irġiel kienu suġġetti għal proċessi tal-qorti mhumiex xierqa u waqtiet ta’ tortura. Dan meta, mill-aħħar tas-sena ‘il hawn, numru ta’ dimostranti wkoll ingħataw il-forka għas-sehem tagħhom fil-protesti.

Fil-preżent, fl-Iran, hemm għexieren tan-nies  ikkundannati għall-mewt inkella akkużati dwar allegati reati li jistgħu jwasslu għall-piena kapitali. Il-protesti tas-sena l-oħra fl-Iran żbruffaw wara li mara żgħażugħa mietet f’Tehran ftit wara li kienet arrestata mill-pulizija  talli hi ma kenitx liebsa l-hijab ‘kif suppost’.

Fl-istess ħin, is-sorsi fl-Iran infurmaw lill-Amnesty li l-aħħar tlett irġiel ġustizzjati mir-reġim kienu nħatfu bil-forza qabel għaddew minn diversi forom ta’ tortura biex joħorġu bi stqarrijiet mingħajr l-ebda bażi u bil-ħsieb li r-reġim jipproċessahom bħala ‘il-qattiela tal-uffiċjali’.