Internazzjonali

L-Istati Uniti: Tisfida talba legali biex jingħataw lura r-ritratti lill-Koppja Sussex

Aġenzija tal-aħbarijiet li għandha f’idejha ritratti kontroversjali tal-Prinċep Harry u martu Meghan sfidat talba legali biex tgħaddihom lil din il-koppja rjali. Kelliema għall-aġenzija qalu wkoll li din beħsiebha  żżommhom ‘sakemm jasal il-ħin opportun biex tiżvelahom lill-pubbliku’.

Il-każ hu partikularment sensittiv għaliex ir-ritratti ttieħdu mill-paparazzi li aktar kmieni fil-ġimgħa segwew il-karozza tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex fi New York, u mingħajr każ tal-periklu li kienu qed jikkawżaw għan-nies.

Diversi sorsi qalu li Harry u Meghan spiċċaw ‘ixxukkjati’ bl-inċident li żvolġa f’tellieqa mal-paparazzi li rnexxielhom jiġbdu ritratti tal-koppja anki f’dawk iċ-ċirkustanzi diffiċli.

Intant, l-aġenzija Backgrid—li tispeċjalizza fi ‘scoops’ dwar persuni ċelebri – irrifjutat it-talba mill-avukati tal-Koppja Sussex biex iċċedi r-ritratti. Dan fost stqarrija li ‘l-Amerikani ma jaċċettawx is-sens ta’ privileġġ u esklussività tal-Irjali’.

Fl-aħħar jiem ħarġu diversi rakkonti konfliġġenti dwar it-tellieqa li involviet il-karozza tal-Koppja Sussex u l-paparazzi u li kważi rriżultat f’katastrofi.

Dan meta l-paparazzi – fl-ossessjoni biex jieħdu r-ritratti esklussivi — kemm-il darba ssugraw li jaħbtu ma’ karozzi oħrajn u anki jolqtu lin-nies fuq il-bankini.

Fil-preżent qed joħorġu dejjem aktar dettalji dwar ‘il-periklu ta’ dik is-sitwazzjoni’…..Sitwazzjoni li kienet partikularment trawmatika għall-Prinċep Harry li ommu, il-Prinċipessa Diana ta’ Wales, kienet tilfet ħajjitha, fl-1997, wara li l-karozza li kienet qed tivvjaġġa fiha f’Pariġi ħabtet direttament mal-ħajt ta’ mina fil-kapitali Franċiża – u wara li wkoll kienet segwita mill-paparazzi.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali mad-Dipartiment tal-Pulizija fi New York ammettew li grupp kbir ta’ fotografi, jew paparazzi, ħolqu d-diffikultajiet għall-Prinċep Harry u Meghan li kienu qed jirritornaw id-dar minn ċerimonja għall-preżentazzjoni ta’ premjijiet organizzata fiNew York.

Madankollu, il-pulizija qed jenfasizzaw ukoll li l-inċidenti tat-Tlieta bil-lejl ma rriżultaw fl-ebda ħabta jew vittmi – u meta mifhum ukoll li ma saru l-ebda arresti relatati ma’ sewqan ittraskurat li qiegħed il-ħajja tan-nies f’periklu.