Internazzjonali

Lega Arbija: Assad jirritorna għas-summit wara 12-il sena

Il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, jinsab fl-Arabja Sawdija fejn qed jattendi s-summit tal-Lega Arbija — u għall-ewwel darba mindu s-Sirja spiċċat sospiża minn dan il-grupp reġjonali ta’ pajjiżi, 12-il sena ilu.

Assad kienu ilu dawn is-snin kollha mwarrab mill-Mexxejja Għarab wara li l-Gvern tiegħu wettaq kampanja ta’ vjolenza qalila fuq id-dimostranti Sirjani li kienu qed jipprotestaw għad-demokrazija u bir-riżultat ta’ gwerra ċivili fis-Sirja li swiet il-ħajja ta’ nofs-miljun persuna.

Is-Sirja kienet ammessa mill-ġdid fil-Lega proprju dan ix-xahar wara li l-pajjiżi li kienu appoġġjaw lill-Oppożizzjoni Sirjana – fosthom l-Arabja Sawdija — aċċettaw li Assad, issa, għandu r-riedni sodi fil-kapitali Damasku.

L-Istati tal-Lega anki saru aktar disposti li jaċċettaw lura lis-Sirja wara t-terremot devastanti ta’ Frar li ħalla straġi u mewt fit-Turkija u l-artijiet Sirjani lejn il-majjistral. Dan ukoll wara li l-pajjiżi li kienu ilhom l-aħħar snin ostili għas-Sirja deċidew biex jibgħatu l-għajnuna umanitarja lejn iz-zoni kontrollati mill-Gvern ta’ Bashar al-Assad.

Ħafna bnadi tas-Sirja, sadanittant, għadhom taħt il-kontroll tar-ribelli appoġġjati mit-Torok; il-gruppi tal-ġiħadisti u l-milizzji Kurdi alleati tal-Istati Uniti.