Lokali Qorti

Sena ħabs fuq serq ta’ mobile minn ħanut fl-ajruport

Libjan ta’ 39 sena li kiser dufrejh mal-ġustizzja diversi drabi ġie kundannat sena ħabs wara li ammetta li fis-7 ta’ Mejju bejn it-8pm u l-10pm meta fis-sala tat-tluq tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta seraq mobile ta’ tfajla li taħdem f’ħanut,

Kienet it-tfajla li għamlet rapport li nsterqilha l-mobile u minn filmati tas-CCTV irriżulta li Khalleefah Aljamie riekeb karozza tal-linja biex wasal sal-ajruport qagħad isegwi fil-ħanut, bħal li kieku kien se jixtri xi ħaġa, u kif raha lill-vittma llargat ftit u aljenata serqilha l-mobile li jiswa’ 659.01ċ ewro.

Mill-filmati l-ħati jidher li wara ħareġ il-barra mill-ħanut reġa’ riekeb tal-linja. Il-Libjan qal lill-Qorti li jgħix bir-relief u li hu ma jiftakarx li wettaq din is-serqa għax għandu problemi bid-dipressjoni u li anke jixrob u meta jħallat il-pilloli max-xorb ma jkunx jaf x’inhu jagħmel u li għamel xi żmien homeless.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq qalet lill-ħati li din kienet ir-raba darba li kien qed jikser difrejh mal-ġustizzja. Il-Qorti minbarra sentenza ta’ ħabs ordnatlu trattament għall-perjodu ta’ tliet u ordni ta’ trażżin favur il-vittma għall-istess perjodu u wissietu li anke meta joħroġ mill-ħabs ma jersaqx lejn il-vittma.

Aljamie talab żmien biex iħallas lill-vittma bil-Qorti tilqa’ t-talba biex dan il-ħlas isir fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Il-Qorti kienet ukoll informata li l-ħati kien liebes jeans u hoodie iswed meta wettaq is-serqa. Għalih dehret l-Avukat Yanija Bugeja bil-prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispettur Roxanne Tabone,