Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Rupert Tabone

F’knisja ppakjata bin-nies, il-Ġimgħa filgħodu ngħatat l-aħħar tislima lil Rupert Tabone li tilef ħajtu l-Ħadd li għadda fl-età ta’ 54 sena wara li skiddja bil-mutur fil-bypass ta’ Birkirkara.

Ritratt: Martin Agius

It-tebut kien akkumpanjat minn korteo ta’ muturi li telaq mill-isptar Mater Dei u wasal quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun ftit qabel it-tokki tal-10am.

Rupert Tabone kellu wisq għal qalbu l-muturi tant li tarah fejn tarah dejjem kien ikun b’xi mutur jew ieħor. U sħabu għamlu minn kollox sabiex din l-aħħar tislima tkun waħda li tassew tixraqlu.

Quddiem il-knisja kien hemm xena mill-aktar emozzjanti, bil-muturi pparkjati u bis-sewwieqa miġbura madwar it-tebut sabiex isellmu lil Tabone għall-aħħar darba.

Ritratt: Martin Agius

Rupert Tabone kien eks Bumbardier mal-Forzi Armati Maltin u kien jagħmel parti mis-Sezzjoni Marittima tal-AFM.

Huwa kien deskritt bħala persuna bieżla u dejjem bi spirtu ferrieħi. Oħrajn iddeskrivewh bħala raġel tar-rispett u eżemplari fejn bosta esprimew li l-memorja ta’ Rupert mhu se tintesa qatt.