Kummerċ Lokali

Trident Estates Plc tħabbar riżultati pożittivi

Trident Estates Plc ħabbret ir-riżultati finanzjarji tagħha għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2023. Id-dħul tal-grupp ammonta għal €2.4 miljun, aktar mid-doppju tad-dħul ta’ €1.1 miljun fis-sena ta’ qabel. Il-profitt operattiv ammonta għal €1.3 miljun, li żdied minn €323,000 fis-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022. Il-profitt qabel it-taxxa kien jammonta għal €7.5 miljun wara qligħ ta’ €6.7 miljun minn aġġustamenti ta’ valur ġust fuq Trident House.

Matul is-sena finanzjarja li għaddiet, Trident Park beda triq soda biex jistabbilixxi ruħu bħala park kummerċjali ewlieni u ffirma diversi ftehim ta’ kera, li jammontaw għal-livell ta’ okkupanza ta’ 63%. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet ma’ kerrejja potenzjali jinsabu fi stat avvanzat.

F’kumment f’dan ir-rigward, iċ-ċermen ta’ Trident Estates Plc Louis A. Farrugia stqarr: “Huwa tal-ikbar sodisfazzjon li nistgħu ngħidu li rnexxielna nwettqu proġett mill-aktar uniku, wara ħafna snin ta’ ħidma fuq viżjoni li kienet titlob riskji u deċiżjonijiet diffiċli. Trident Park m’għandux jitqies biss bħala parti mill-assi kummerċjali, iżda pjuttost bħala investiment kapitali fit-tul, b’potenzjal konsiderevoli ta’ żieda fil-valur fuq medda ta’ żmien medju u twil. Kellna bidu inkoraġġanti billi attirajna lista impressjonanti ta’ kerrejja prestiġjużi – u se nfittxu li nibnu fuq dan l-impetu.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Trident Estates Plc Charles Xuereb qal: “Id-domanda għall-ispazju fi Trident Park ġiet minn firxa wiesgħa ta’ negozji u istituzzjonijiet. Ġie pprovdut appoġġ tekniku qawwi lill-kerrejja u kwalunkwe problema tal-bidu ġiet indirizzata. Filwaqt li t-tmexxija ffukat fuq l-operat hekk kif kerrejja ġodda bdew deħlin fil-binja, fl-istess ħin saru sforzi kbar għat-tlestija tat-Trident Park conference facility, li kienet tinkludi r-restawr tal-Boardroom oriġinali ta’ Farsons.”

Matul is-sena finanzjarja kurrenti li tispiċċa fil-31 ta’ Jannar 2024, it-tmexxija ta’ Trident Estates Plc qed tiffoka fuq il-ġestjoni tal-operat ta’ Trident Park. Il-Bord tad-Diretturi se jkun qed ifassal valutazzjoni strateġika li tinkludi l-fażijiet li jmiss tal-pjan tan-negozju ta’ Trident Estates PLC. Din il-valutazzjoni strateġika se tqis ukoll opportunitajiet għal Trident House, waħda mill-akbar siti fil-portafoll tal-proprjetà tal-Grupp, li se titbattal mill-kerrejja attwali, Quintano Foods Limited u Food Chain Limited (Farsons Group), fl-2026.

Trident Estates Plc se torganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha fis-16 ta’ Ġunju 2023 fit-Trident Park Conference Hall.