Mara ta’ nazzjonalità Filippina tilfet ħajjitha fl-età ta’ 43 sena wara li spiċċat f’diffikultà waqt li kienet fil-baħar f’Tas-Sliema.
Kien għall-ħabta tas-2:15pm meta erba’ persuni talbu l-għajnuna hekk kif persuna oħra fil-grupp tagħhom ma rnexxilix titla’ fuq il-blat qalb mewġ qawwi.
Fl-inħawi ta’ Font Għadir, f’Tas-Sliema ġew imsejħa kemm uffiċjali tal-Pulizija, Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tim mediku tal-ambulanzi kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Minn informazzjoni li għandu Net News jidher li minn grupp ta’ ħames persuni, erba’ persuni niżlu jgħumu, bi tlieta minnhom irnexxielhom jitilgħu l-art.
Wara tfittxija mill-Forzi Armati ta’ Malta, il-mara li qatt ma telgħet mill-baħar instabet ‘il barra mill-kosta, fejn iddaħlet fil-bajja ta’ San Ġiljan permezz ta’ dinghy. Hemm hi ngħatat l-ewwel għajnuna mit-tobba preżenti filwaqt li ttieħdet għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, l-isforzi tagħhom kien kollu għalxejn hekk kif hi mietet ftit tal-ħin wara fl-Isptar.
Persuni li kienu fil-post u raw dan kollu jseħħ quddiem għajnejhom qalu magħna li l-mara dehret għal minuti sħaħ wiċċha ‘l isfel qabel ittellgħet mill-baħar.

It-tliet żgħażagħ l-oħra li telgħu weħidhom mill-baħar ittieħdu wkoll l-Isptar għal iktar kura. It-tfajliet l-oħra li rnexxielhom jitilgħu mill-baħar huma Franċiża ta’ 23 sena, Taljana ta’ 31 sena u mara mill-Georgia ta’ 36 sena. Huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>