Il-familja. Il-valuri. L-Edukazzjoni. Il-Faqar u s-sostenn kontinwu li jifforma bejn persuna u oħra f’koppja sabiex iħabtu wiċċhom mal-isfidi li toffrilek il-ħajja.
Huma dawn uħud mit-temi li ġew diskussi waqt il-programm ippreżentat mid-Dekan tal-Fakultà għall-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Univerista ta’ Malta Andrew Azzopardi meta kien qiegħed jintervista lil AnneMarie Grech, il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
AnneMarie, li taħdem proprju bħala għalliema tal-Malti saħqet li preżentament l-edukazzjoni f’pajjiżna hija ta’ sfida għall-edukaturi u li f’ħoġorhom għandhom sfidi kbar. Hija spjegat li illum il-ġurnata l-istudenti, it-tfal, għaddejjin minn ċertu tbatija sforz l-istress u l-ħajja mgħaġġla li qiegħdin ngħixu.
Dan filwaqt li saħqet li sfortunatament, kawża taċ-ċirkustanzi fil-ħajja, qiegħed jonqos ħafna l-ħin ta’ kwalità fil-familja u insistiet dwar l-importanza li minkejja din il-ħajja mgħaġġla l-familji għandhom jiprovaw isibu ħin għal xulxin, speċjalment għal uliedhom.
AnneMarie Grech sostniet ukoll li hi temmen fil-valuri kif ukoll f’politika li ġġib rispett u tgħin lil vulnerabbli. Hija saħqet li r-rispett huwa essenzjali – kemm lejk innifsek kif ukoll lejn ta’ madwarek.
Mistoqsija dwar il-faqar f’pajjiżna, hija qalet li dan huwa fatt inkwetanti ħafna u li bħala soċjetà għandna nagħmlu aktar – hekk ukoll tinkwetaha l-attitudni tax-xejn m’hu xejn u li kollox jgħaddi hekk kif spjegat li dan mhux ta’ eżempju għal ulieda, il-ġenerazzjonijijet futuri tagħna.
Intant tkellmet ukoll dwar l-Organizzazzjoni Light, l-NGO mmexxija minn AnneMarie Grech stess fejn saħqet li din hija għaqda li tgħin, tisma kif ukoll tigwida lil koppju li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ta’ infertilita. Hawnhekk hija appellat sabiex dejjem inkunu sensittivi meta nkunu qed nitħadtu ma persuni li qed jgħaddu minn dawn l-isfidi filwaqt li insistiet li l-appoġġ għandu jkun wieħed kontinwu.