Internazzjonali

L-Istati Uniti tħalli l-alleati jipprovdu ‘fighter jets’ lill-Ukrajna

Ritratt: Rob Edgcumbe /Stocktrek Images

Waqt is-summit tal-G7 fil-Ġappun, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden ħabbar li l-Istati Uniti se tipprovdi lill-Ukrajna b’fighter jets F-16.

Dan apparti li l-Istati Uniti se tħarreġ ukoll bdoti Ukreni biex joperaw dawn l-ajruplani avvanzati.

Ir-Renju Unit, l-Olanda, il-Belġju, u d-Danimarka laqgħu d-deċiżjoni tal-Istati Uniti u esprimew ir-rieda tagħhom li jappoġġjaw lill-Ukrajna.

Id-deċiżjoni ġiet imfaħħra u deskritta bħala storika mill-President Ukren Volodymyr Zelensky, li ilu jfittex ġettijiet moderni biex jgħinu fil-ġlieda tal-pajjiż kontra r-Russja.

L-approvazzjoni tal-Istati Uniti għall-esportazzjoni mill-ġdid ta’ tagħmir mixtri mill-alleati se tippermetti wkoll lil nazzjonijiet oħra li jibagħtu l-F16s tagħhom lejn l-Ukrajna.

Xi pajjiżi membri tan-NATO esprimew tħassib dwar l-eskalazzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna; iżda l-Istati Uniti enfasizzat li l-ġettijiet se jintużaw biss għal skopijiet ta’ difiża.