L-atleta Matthew Galea Soler u t-tennista Elaine Genovese se jġorru l-bandiera Matija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju.
Dan tħabbar mill-atleta Olimpika Eleanor Bezzina, li f’dawn il-Logħob ingħatat l-irwol ġdid ta’ ‘team captain’.
Waqt attività li saret f’Kastija, Bezzina qalet li b’kollox ‘Team Malta’ se jkun magħmul minn 214-il atleta flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali u kowċis, maqsuma f’għaxar dixxiplini sportivi iżda li jagħmlu parti minn tim wieħed, tim li għandu passjoni komuni li huwa l-isport. Bezzina temmet tgħid li l-atleti kollha għandhom għan wieħed, dak li jġibu suċċess għal Malta.
L-għażla ta’ Matthew Galea Soler kienet wara li huwa sar l-ewwel atleta Malti li rebaħ midalja tal-bronż fl-400 metru fil-European Youth Olympic Festival filwaqt li Elaine Genovese flimkien ma’ Francesca Curmi kisbet il-midalja tal-fidda fil-Logħob tal-Mediterran f’Oran.
Fost id-diskorsi li saru il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello qal li jinsab fiduċjuż kemm fl-organizzazjoni ta’ dawn il-Logħob kif ukoll fir-riżutati miksuba mill-alteti Maltin. Fl-istess waqt kienu wkoll ippreżentati ufficjalment il-midalji li se jingħataw lir-rebbieħa waqt il-Logħob .
Preżenti Mark Cutajar, Chairman tal-Kumitat Organizattiv, Clifton Grima, Ministru responsabbli mill-isport u l-Prim Ministru Robert Abela.
//= $special ?>