Manchester City iddefendew b’suċċess it-titlu ta’ Champions wara li Arsenal – l-eks liders tal-kampjonat għal diversi xhur – tilfu fis-City Ground, kontra Nottingham Forest. Il-Gunners issa jinsabu bi żvantaġġ ta’ erba punti ma’ City u meta ż-żewġ tims jonqoshom logħba waħda biss għat-tmiem tal-impenji rispettivi fil-league. Intant, dan hu t-tielet suċċess konsekuttiv għas-Citizens li issa rebħu l-ogħla kampjonat għal ħames darbiet fl-aħħar sitt staġuni.
Hu minnu wkoll li Man City jistgħu jirrepetu t-treble tal-ogħla unuri għal staġun wieħed (il-kampjonat, l-FA Cup u ċ-Champions League) bħalma kienu għamlu Manchester United fl-istaġun 1998-99.
Is-Citizens issa jiltaqgħu mal-istess United fil-finali tal-FA Cup fit-3 ta’ Ġunju, qabel jikkonfrontaw lil Internazionale tal-Italja ( ġimgħa wara) fil-finali taċ-Champions League li tintlagħab f’Istanbul, fit-Turkija. B’hekk ukoll, Man City kisbu d-disa titlu ta’ Champions Ingliżi fl-istorja tal-klabb u minkejja li, sas-7 ta’ April, kienu għadhom qed jiġru wara Arsenal li (sa dakinar) kienu fetħu vantaġġ ta’ tmien punti f’ras il-klassifika. Għaldaqstant, is-Citizens, illum. għandhom jiċċelebraw bil-kbir fl-Etihad Stadium fejn se jospitaw lil Chelsea għal logħba oħra tal-kampjonat li issa ma għandha prattikament l-ebda interess ladarba ngħalaq kull diskors dwar id-destin tal-kampjonat.
Sadanittant, Nottingham Forest salvaw posthom fil-Premier League wara li għelbu lil Arsenal 1-0 – bil-gowl uniku jasal fuq azzjoni personali ta’ Taiwo Awoniyi wara 19-il minuta. Arsenal mill-ġdid dehru tim demoralizzat u bla konvinzjoni, b’Forest juru grinta u determinazzjoni kbira biex ma jħallux il-vantaġġ – u s-salvazzjoni – jaħarbu minn taħt idejhom u fejn din id-darba, Saka, Gabriel Jesus u sħabhom ma kellhom l-ebda risposta. L-attakk tal-Gunners baqa’ sterili anki fit-tieni taqsima u bl-iskor ma jinbidilx minkejja li t-tim ta’ Mikel Arteta kellu ħafna aktar mill-pussess fit-tieni 45 minuta. Dan waqt li Forest baqgħu xorta perikolużi bil-kontra-attakki veloċi u kontginwi ta’ Awoniyi u Morgan Gibbs-White.
It-tisfira finali tar-referi Anthony Taylor kienet sinjal għal ċelebrazzjonijiet kbar mis-sapporaters tat-Tricky Trees – bil-plejers ta’ Arsenal jirriflettu fuq staġun li fl-aħħarnett irriservalhom diżappunt kbir anki jekk huma ċerti mit-titlu ta’ runners-up li fih innifsu juri titjib kbir għall-Gunners fuq l-istaġuni preċedenti.
Manchester United jonqoshom punt wieħed biss għal ċertezza matematika ta’ post fiss fit-Top 4 tal-Premier League Ingliż wara rebħa importanti barra minn darhom ma’ Bournemouth. Sadanittant, Liverpool għamlu pass ħażin f’Anfield Road fejn spiċċaw miżuma fi dro minn Aston Villa — u bit-tamiet tagħhom għaċ-Champions League jieħdu daqqa ta’ ħarta kbira. Fil-fatt, Man Utd jonqoshom jilgħabu żewġ logħbiet (ma’ Chelsea u Fulham f’Old Trafford) biex jagħlqu l-impenji tal-istaġun – u meta Liverpool fadlilhom logħba waħda biss barra minn darhom ma’ Southampton li huma diġà relegati mill-ogħla kampjonat. Ir-Red Devils issa anki fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Merseysiders – bil-gowl kruċjali li ddeċieda l-konfront ma’ Bournemouth fil-Vitality Stadium jasal wara biss għaxar minuti — meta Casemiro sab ix-xibka ta’ Neto b’akrobazija wara li Eriksen sabu żmarkat fil-kaxxa b’pass meqjus. United kienu aħjar mill-avversarji għal ħafna ħinijiet iżda, minkejja li jinsabu b’rashom mistrieħa mir-relegation, iċ-Cherries xorta kienu perikolużi f’waqtiet, b’ David de Gea, fit-tieni taqsima, iwettaq saves tajbin fuq xutt ta’ Solanke u fuq Senesi — wara li l-attakkant ta’ Bournemouth spiċċa wiċċ-imb-wiċċ mal-gowlkiper ta’ United. Ir-Red Devils ukoll impenjaw serjament lil Neto bit-tentattivi ta’ Bruno Fernandes u s-sostituti Weghorst u Garnacho iżda fl-aħħarnett kellhom jikkuntentaw bil-vantaġġ minimu li bih jistgħu jħarsu lejn iż-żewġ logħbiet li fadal f’’darhom b’ħafna aktar fiduċja.
Roberto Firmino skorja fid-89 minuta biex isalva draw diżappuntanti għal Liverpool, 1-1, ma’ Aston Villa f’Anfield Road. Dan meta ż-żewġ punti mitlufa kapaċi jfissru li r-Reds iridu jaħsbu għall-impenji tal-Europa League, fl-istaġun li ġej.
Liverpool, bħalissa, għandhom ukoll żvantaġġ ta’ tliet punti mat-tielet tim, Newcastle Utd, — bil-Geordies, bħal Man Utd, jonqoshom punt wieħed biss biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League u jagħlqu l-bieb darba għal dejjem għar-Reds ta’ Jurgen Klopp. Fl-ewwel taqsima, Villa kellhom ċans tad-deheb biex imorru fil-vantaġġ iżda Ollie Watkins falla banalment il-penalty li ngħata għall-fawl li sar fuqu, aktar qabel, minn Konate. Villa, fil-fatt, jistgħu jħossuhom diżappuntati li ma ħadux it-tliet punti wara wirja impressjonanti u fil-fatt, huma marru fil-vantaġġ man-nofs-siegħa, meta, fuq il-kross ta’ Douglas Luis, Jacob Ramsey għeleb lil Alisson b’volley perfett għar-rokna.
Fit-tieni taqsima, Liverpool kellhom ‘gowl’ ta’ Cody Gakpo imħassar għal offside u minn dak il-ħin, ir-Reds dehru neqsin mill-ideat u l-aggressività – għalkemm fl-aħħarnett, Firmino ( li se jitlaq il-klabb fi tmiem l-istaġun) sab ix-xibka ta’ Martinez fuq il-kross fil-baxx ta’ Mo Salah għall-1-1 finali. Min-naħa tagħhom, il-Villains għadhom qed jittamaw li jikkwalifikaw għall-Ewropa meta – grazzi għal dan id-draw jinsabu s-seba’ fil-klassifika. Dan ukoll meta, bħallum ġimgħa, iridu jilgħabu l-aħħar logħba tal-istaġun f’darhom kontra Brighton and Hove Albion.
L-aħħar logħba tal-istaġun għal Tottenham Hotspur f’The New White Hart Lane żvolġiet f’ waħda diżastruża — u fejn huma tilfu 1-3 ma’ Brentford wara li kienu kisbu vantaġġ bikri bi freekick stupend ta’ Harry Kane. Spurs kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda sfaxxaw kompletament wara l-mistrieħ meta Bryan Mbeumo (50) għeleb lil Fraser Forster għall-1-1; bl-istess plejer jaqleb ir-riżultat tnax il-minuta wara b’’carbon copy’ tal-gowl preċedenti. Tottenham ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda tliet minuti mit-tmiem, id-difensur Oliver Skipp tilef il-ballun lil Baptiste li sab lil Yoane Wissa waħdu quddiem Forster biex jixħet mill-ġdid fir-rokna tax-xibka u għal rebħa li taċċerta li l-Bees se jispiċċaw mal-ewwel għaxar tims tal-Premier Ingliż.
Everton kellhom jistennew sa tard ħafna biex isalvaw draw, 1-1, ma’ Wolves f’Molineux u fost l-istennija ansjuża biex it-timijiet ta’ taħthom – Leeds Utd u Leicester – ifallu mill-impenji rispettivi ma’ West Ham Utd u Newcastle.
Għaldaqstant jidher li d-destin ta’ Everton għandu jkun deċiż fl-aħħar programm tal-kampjonat—bit-Toffees, wara sensiela ta’ attakki fuq il-lasta ta’ Bentley, isibu ruħhom minn taħt kontra x-xejra tal-logħob meta Hwang Hee-Chan (34) skorja minn rebound wara li Pickford kien salva fuq Adama Traore. Everton, minn dak il-ħin, kellhom ħafna aktar mil-logħob – speċjalment fit-tieni taqsima — iżda huma kellhom jistennew sad-disa’ minuta tal-ħin miżjud biex iserrħu rashom minn punt meta d-difensur Kolombjan, Yerry Mina, spara ġewwa wara taħwida quddiem Bentley.
Fulham u Crystal Palace huma żewġ tims li ma fadlilhom xejn għalxiex jilgħabu u meta huma spiċċaw fi draw divertenti, 2-2, fi Craven Cottage. Kienu Palace li fetħu l-iskor minn Odsonne Edouard fl-34 minta, b’Fulham, sekondi qabel il-mistrieħ, jagħmluhom 1-1 mill-penalty ta’ Aleksandar Mitrovic. Fit-tieni taqsima il-Cottagers marru fil-vantaġġ mill-istess Mitrovic (61) li skorja bir-ras fuq l-assist ta’ Willian iżda l-aħħar kelma kienet tad-difensur ta’ Palace, Joel Ward, li seba’ minuti mit-tmiem salva d-dro għat-tim tiegħu meta xeħet ġewwa mill-viċin.
//= $special ?>