Lokali

Numru ta’ għaqdiet jappellaw għal bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent

“Ma nifilħux għal iktar – Xebbajtuna”

Kien dan is-sentiment komuni waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp bl-addoċċ li issa ilna naraw għal diversi snin f’pajjiżna.

Moviment Graffiti qalu kif in-nies qed jibqgħu jaraw dak kollu madwarhom jinqered b’bini massiċċi, bir-regħba li qed tibqa’ tirbaħ fuq kollox. Kien għalhekk li appellaw biex fis-27 ta’ Mejju fl-10:30 ta’ filgħodu, kull persuna li għandha għal qalbha l-ambjent, tiltaqa’ fid-daħla tal-Belt Valletta għal protesta li se ssir biex kull persuna ssemma’ leħinha.

Il-Perit Alex Torpiano, li kien qed jirrapreżenta l-għaqda Din l-Art Ħelwa, qal li minkejja li hu jaħdem direttament fl-iżvilupp tal-bini, qatt ma jista’ jifhem kif m’hemmx bilanċ bejn l-iżvilupp u l-protezzjoni tal-ambjent. Huwa spjegalna kif għadha ma saret l-ebda policy ċara għad-direzzjoni ta’ fejn l-iżvilupp f’pajjiżna għandu jasal, bil-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel biss li jagħti widen lill-iżviluppaturi.

Anne Marie Apap minn Friends of the Earth Malta qalet li l-approvazzjoni ta’ proġetti mostrużi qed iwasslu biss biex ma nibqgħux ngħarfu lil pajjiżna stess, bil-fawna li mhix qed titħalla timraħ.

Preżenti wkoll kien hemm Professur fi ħdan l-Università ta’ Malta, Maria Attard fejn qalet li fl-aħħar 10 snin Malta rat bidla enormi bi żvilupp essaġerat b’mod ekonomiku u urban. Huwa għalhekk li appellat li jkun hemm pjan li ma jħalli lil ħadd warajh.

Mill-Assoċjazzjoni Ramblers Malta, Ingram Bondin qal li l-awtoritajiet responsabbli mhux jgħaqqdu l-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi iżda minflok qed jgħaqqdu biss lill-politiċi u l-iżviluppaturi, b’pajjiżna jispiċċa bla ebda difiża lejn l-ambjent.

Stanley Portelli mill-Għaqda Għawdix appella lill-awtoritajiet biex issir bidla fl-ippjanar sabiex pajjiżna jinvesti b’serjetà għall-ambjent.

Il-protesta nazzjonali Xebbajtuna! ġiet imsejħa minn tmien għaqdiet: Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, BirdLife Malta, Għawdix, Ramblers Association Malta, Nature Trust – FEE Malta u Friends of the Earth Malta.