Lokali Qorti

Probation għal raġel li hedded bil-mewt lill-eks sieħba tiegħu u ommha

Raġel li ħa over il-profil ta’ Facebook tal-eks sieħba tiegħu u użah biex jibgħat theddid lilha u lil ommha tpoġġa taħt probation għal tliet snin. It-theddid ta’ Omar Djelassi kien tant serju li l-Forzi Armati ta’ Malta bagħtet lit-Taqsima tagħha tagħha tal-bomb disposal biex tiċċekkja l-vettura tal-eks kunjata tiegħu, wara li Djelassi wissieha biex ma’“tpoġġix t-tfal fil-karozza għada.”

F’messaġġ ieħor, Djelassi kitbilha: “Lanqas se tkun taf x’ġara, għax niftaħlek rasek bħal Bibbja. U tiġborx it-tfal mill-iskola għax ma jkollix ħniena.” L-eks kunjata tiegħu rrakkontat ukoll kif kien jibgħatilha messaġġi jikkummenta dwar dak li kienet liebsa jew il-karozza l-ġdida tagħha, jew jibgħatilha ritratti tagħha nfisha dak in-nhar, u li ġegħlha tibża’ għas-sigurtà tagħha u dik tal-familja tagħha.

L-akkużat bagħat il-messaġġi fuq perjodu ta’ ftit ġranet f’Jannar tal-2021, wara li hu u l-eks sieħba tiegħu infirdu wara relazzjoni ta’ sentejn. Il-koppja għandhom tifel żgħir. Djelassi ċaħad li bagħat xi messaġġi u insista li ma kellux mobile jew SIM card. Iżda l-investigazzjonijiet tal-pulizija żvelaw li l-profili użati biex jintbagħtu l-messaġġi ta’ theddid – l-ewwel wieħed li kien tal-eks tiegħu, u wara minn profil ieħor, ġdid, li kienu kollha marbuta mal-akkużat.

Wieħed mill-profili kien marbut mal-indirizz elettroniku ta’ Djelassi u ż-żewġ profili kienu ġew aċċessati minn indirizz IP marbut mar-residenza tal-akkużat. Djelassi qal lill-pulizija li kien qed jissielet biex jegħleb il-problema tad-droga. Social Enquiry Report ordnat mill-Qorti nnota li hu kien għaddej minn programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga u jaħdem ukoll ma’ psikologu biex jindirizza kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-rabja.

Ħaddiem soċjali qal li Djelassi nbidel konsiderevolment bħala riżultat. Qorti kkonkludiet li kien ħati li ffastidja lill-eks tiegħu u lill-familja tagħha, li wassalhom biex jibżgħu u li uża ħażin network elettroniku għal theddid. Il-messaġġi kien fihom “theddid serju ħafna, ħafna drabi theddid ta’ mewt,” qalet il-qorti.

Kien innotat ukoll li Djelassi sar reċediv, jiġifieri ma setax jingħata sentenza sospiża. Madankollu, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, qalet li temmen li l-aħjar hu li jitqiegħed taħt probation u osservat minn uffiċjal tal-probation.

“Din hija opportunità ta’ darba, u jekk ma tagħmilx l-aħjar minn din l-opportunità tad-deheb ikollok tiffaċċja l-konsegwenzi,” wissiet il-maġistrat lill-akkużat hekk kif poġġietu taħt probation għal tliet snin. Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur l-eks sieħba tiegħu u l-familja tagħha. L-Ispetturi Darren Buhagiar u Clayton Zammit mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb irrappreżentaw lill-akkużat.