Robert Abela għażel li ma jlissen ebda kelma li hi kelma rigward l-aħħar rivelazzjonijiet b’rabta mas-saga tat-tlett sptarijiet żvelati minn Times of Malta u The Shift News flimkien ma’ ħidma konġunta mal-OCCRP.
Huwa rrifjuta li jagħti l-kummenti tiegħu mal-mikrofonu ta’ Times of Malta dwar ir-rabta li għandu l-predeċessur tiegħu Joseph Muscat ma’ VGH Europe. Dan hekk kif preżentament jinsab dahru mal-ħajt huwa għażel li ma jixtieqx jinfluwenza l-Qrati.
Abela insista li ma jixtieqx joħloq aktar konfużjoni u li jrid iħalli l-Qrati jaħdmu. L-istess Abela li għal dawn l-aħħar xhur u ġimgħat b’mod sistematiku attakka lill-Maġistrat Marsanne Farrugia b’rabta mal-inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Fl-istess waqt mistoqsi dwar il-fatt li Joseph Muscat talab lill-Maġistrat Gabriella Vella biex tirrekuża ruħha mill-inkjesta tal-isptarijiet anke hawn, bis-silenzju tiegħu Abela għażel li jiddefendi lil ta’ qablu u ddeċieda li ma jlissen ebda kliem.
Mir-rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali ħareġ biċ-ċar li Abela kien ilu jaf li l-kuntratt tal-isptarijiet ma kienx bis-sewwa tal-inqas 3 snin minn meta laħaq suċċessur ta’ Joseph Muscat fis-siġġu tal-poter f’Kastilja.
Dan minkejja li fit-taqtiegħa għal-Leadership tal-Labour hu stess kien saħaq li kellu overview fuq kull Ministeru – inkluż dak tat-Turiżmu…li surrealment il-Ministru responsabbli minnu dak iż-żmien, Konrad Mizzi, kien qiegħed jieħu ħsieb id-deals tat-tlett sptarijiet…settur li suppost jaqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa.
Bosta ddeskrivew dan l-aġir u diskors li għamel Abela l-Ġimgħa filgħaxija bħala wieħed li qed ikompli juri d-dgħjufija tiegħu quddiem kriżi wara oħra, fejn kull ma jmur qiegħda tinkixef l-għanqbuta tat-tmexxija Laburista.
Bil-poplu jappella lil Robert Abela biex iwieġeb fejn marru l-miljuni tal-ewro mħallsin mit-taxxi tagħhom u għalfejn, minkejja dak kollu li kien jaf, baqa jħallas lil ta’ Steward.