Internazzjonali

Zelensky jattendi l-G7 fil-Ġappun

Is-Sibt Zelensky wasal f’Hiroshima l-Ġappun għat-tieni jum tas-summit tal-G7, fejn il-membri ta’ kull sena jiltaqgħu sabiex jiddiskutu l-isfidi ta’skala internazzjonali u sussegwentament jikkoordinaw l-istrateġija.

Din iż-żjara kienet ta’ sorpriża hekk kif Zelensky ma kienx pjanat li jmur, avolja kien hemm diskussjonijiet dwar il-possibilità li jattendi. Huwa sostna li l-popli qed jagħmlu pass ieħor sabiex fid-dinja terġa tibda tirrenja l-paċi.

Is-segretarju tas-sigurtà nazzjonali tal-Ukrajna qal li l-preżenza ta’ Zelensky fil-Ġappun hi ta’ importanza massima għall-interessi Ukreni.

Minkejja s-sanzjonijiet fuq ir-Russja li għamlu l-membri tal-G7, dawn fallew biex iwaqqfu l-invażjoni Russa fl-art Ukrena.

Intant, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ta l-appoġġ tiegħu sabiex l-alleati tal-punent jissupplixxu lill-Ukrajna b’ajruplani tal-gwerra avvanzati, inkluż l-fighter jets Amerikani tat-tip f-16. Dan il-pass qed jitqies bħala wieħed storiku fejn ċertament se jwassal għal żvilupp serju fil-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.

Dan wara li l-ġurnata ta’ qabel, il-membri stqarrew li ser ikomplu jagħmlu min kollox biex jiċħdu lir-Russja mit-teknoloġija li huma kapaċi jużaw biex tkompli għaddejja bil-gwerra fl-Ukrajna, u jkomplu jimplementaw aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja.

Ġurnata qabel attenda l-G7, Zelensky indirizza s-Summit tal-Lega Għarbija fejn akkuża lil xi mexxejja Għarab li “għalqu għajnejhom” għall-gwerra.

Din l-iżjara hi l-itwal vjaġġ li Zelensky qatt għamel barra minn pajjiżu mindu faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.