Lokali

Abela jibqa’ jgħid li mexa sew minkejja l-kundanna ċara mill-Awditur Ġenerali

Bosta għamluha ċara u qablu – mill-Qorti sal-Membri Parlamentari Laburisti – li l-kuntratt ta’ Steward kien wieħed “frawdolenti”. Iżda għal Robert Abela, it-tmexxija Laburista mxiet bl-aqwa mod possibli f’dan ir-rigward.

F’kelma oħra, wieħed jistaqsi jekk Robert Abela hux qed jgħid li l-Gvern immexxi miegħu għamilx sew li ħa l-miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Meta l-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar li hemm bżonn li jiġi diskuss fil-Parlament ir-rapport tal-NAO, rapport li kkonferma li Robert Abela gideb meta qal li fin-nefqa ta’ €400 miljun ewro tinkludi l-pagi tal-ħaddiema. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela rrifjuta li jagħti spjegazzjoni ta’ dan.

Waqt attività politika li saret fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk, Robert Abela qatt ma qal minn se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan il-kuntratt skandaluż. Anke minkejja li għaraf li jekk ma jieħux azzjoni dwar din il-frodi, hu jkun qed jonqos u jikser minn kelmtu li ta meta sar Prim Ministru.

Ta’ min wieħed ifakkar li Robert Abela qatt ma appella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil dawk li kienu involuti fil-kuntratt ta’ bejn Steward u l-Gvern Malti. U minkejja li issa għaddew il-ġimgħat mindu saret talba mill-Partit Nazzjonalista biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga dan il-każ, Angelo Gafa għadu s’issa fil-muta.