Borussia Dortmund jinsabu 90 minuta bogħod mir-rebħ tat-titlu fil-Ġermanja, riżultat li jkun ifisser li Dortmund itemmu r-renju ta’ Bayern Munich li ddominaw ix-xena fl-aħħar għaxar snin fejn rebħu għaxar titli Bundesliga konsekuttivi.
Is-Sibt Bayern Munich sofrew telfa fl-Allianz Arena kontra RB Leipzig, telfa li probabilment tfisser it-tmiem tar-renju ta’ Bayern. Borussia Dortmund riedu r-rebħa barra minn darhom kontra Augsburg biex japprofittaw miż-żelqa ta’ Bayern u jitilgħu weħidhom fl-ewwel post tal-klassifika.
Huma rnexxielhom jagħmlu dan b’rebħa ta’ 3-0 għand Augsburg biex issa jinsabu fl-ewwel post b’70 punt, tnejn iktar minn Bayern li jinsabu fit-tieni post.
Żvolta seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima meta Uduokhai kien muri karta ħamra diretta. Bi plejer iktar Dortmund ħadu l-kontroll assolut tal-logħba u fit-tieni taqsima kien Sebastien Haller li skorja doppjetta u Brandt skorja t-tielet gowl tal-logħba bl-aħħar xutt tal-logħba fit-93 minuta.
Issa Borussia Dortmund iridu biss rebħa f’darhom kontra Mainz fl-aħħar logħba tal-kampjonat biex jaċċertaw mir-rebħ tad-disa’ titlu tagħhom, bl-aħħar suċċess ikun dak tal-istaġun 2011-12, qabel beda r-renju ta’ għaxar titli nfila ta’ Bayern.
//= $special ?>