Matul din il-ġimgħa l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żaret l-Università ta’ Malta fejn iltaqghet ma’ riċerkaturi, xjentisti, inġiniera u studenti oħra.
Hija ntlaqgħet mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred Vella, u fost oħrajn żaret iċ-Ċentru tal-Mediċina Molekulari u l-Biobanking fejn bħalissa qed jaħdmu 60 riċerkatur.
Ir-riċerkaturi spjegaw lill-President Metsola dwar ir-riċerka li ħadmu fuqha biex isibu tarf diversi tipi ta’ mard u kif grupp ta’ riċerkaturi Maltin għamlu żvilupp importanti dwar it-trattament tal-ALS.
Il-Professur Richard Muscat spjega li r-riċerkaturi Maltin irnexxielhom jidentifikaw xi trattament għandu jingħata biex jitrażżan il-pass aggressiv ta’ din il-marda.
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista żaret numru ta’ laboratorji fl-Università ta’ Malta u rringrazzjat lir-riċerkaturi għall-ħidma li jwettqu.
Hija qalet li mill-2002 ‘il quddiem l-Università ta’ Malta ibbenefikat minn kwazi €74 miljun f’fondi Ewropej għar-riċerka u li bihom saret riċerka fuq aktar minn 550 proġett. Kompliet li €137 miljun oħra għall-proġetti oħra fi skemi Ewropej.
Il-President Metsola faħħret lir-riċerkaturi Maltin u Għawdxin għall-ħidma li qed iwettqu. Qalet li “r-riċerka tfisser kura tas-saħħa aħjar u tagħmir elettroniku iżjed effiċjenti. Ir-riċerka tfisser li nkunu aktar kompetittivi u għalhekk nesportaw aktar, ir-riċerka tfisser ħaddiema aktar sodisfatti u motivati, tfisser pagi u kundizzjonijiet aħjar, tfisser aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Tfisser żviluppi ġodda.”
Hija saħqet li din hi l-Unjoni Ewropea li taħdem għaliha hi u li trid għal pajjiżna.
//= $special ?>