Lokali

F’għaxar xhur il-pont tal-Marsa spiċċa f’telqa kbira u ħmieg ma’ kullimkien

Telaq kbira… ħmieġ ma’ kullimkien… lifts ma jaħdmux u nuqqas ta’ siġurtà kullimkien.

Hija din is-sitwazzjoni tal-pont pedonali li jinsab fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa… pont li jgħaqqad il-Marsa ma’ Ħal Qormi.

Dan il-pont tlesta f’Lulju tas-sena li għaddiet u sewa lill-poplu Malti 3.5 miljun ewro. Issa, għaxar xhur wara… din hija s-sitwazzjoni li jinsab fih dan il-pont.

Dan il-pont suppost kellu jkun mgħammar b’dak kollu meħtieġ għall-persuni vulnerabbli u b’abbiltajiet differenti. Filfatt hemm lifs fuq iż-żewġ naħat… iżda dawn il-lifts ma jaħdmux. Għalhekk l-anzjani li jużaw dan il-pont qed ikollhom jitilgħu ammont kbir ta’ taraġ… iktar minn erba’ sulari taraġ, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu minn fuqu. Agħar minn hekk, dawk li jużaw wheelchair, huwa impossibbli għalihom li jaċċessaw dan il-pont.

Apparti li l-lifts ma jaħdmux, is-sitwazzjoni li jinsabu fihom dawn il-lifts hija perikoluża ferm hekk kif fil-ġenb tagħhom hemm ammont ta’ wires tad-dawl mikxufin li huma ta’ riskju għal kull min ikun għaddej minn hemm fosthom għat-tfal.

Dakinhar li nfetaħ dan il-pont, il-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia kien assigura li dan il-pont se joffri sigurtà lil dawk kollha li jużawh

Iżda llum dan il-pont huwa kollox minbarra sigur. Persuni li tkellmu ma’ Net News stqarrew id-diżappunt tagħhom għan-nuqqas ta’ indafa li hemm fuq dan il-pont, partikolarment fil-parti fejn hemm it-turġien u s-suppost lifs li jaħdmu.

Bl-appelli tar-residenti tal-Marsa u Ħal Qormi ma jifqux, sabiex dan il-pont jitranġa b’mod immedjat ħalli jkunu jistgħu jaċċessawh mingħajr ebda problemi u riskju fuq ħajjithom.