Lokali

Id-dokumenti l-ġodda fihom informazzjoni dwar frodi, kollużjoni bejn politiċi u uffiċjali fost affarijiet oħra – Mark Anthony Sammut

Żviluppi ġodda ferm importanti dwar “l-akbar frodi – is-serqa tat-tliet sptarijiet minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi – hekk kif nhar il-Ħamis filgħodu d-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ippreżenta rikors fil-Qrati Maltin biex persuna li resqet ’il quddiem bi provi ġodda dwar id-deal korrott tal-isptarijiet tiltaqa’ mal-Maġistrat li qed imexxi l-Inkjesta.

Proprju nhar il-Ħamis stess filgħaxija ltqajt mad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammu biex jagħtina aktar informazzjoni dwar dawn l-iżviluppi u hu fisser li ftit tal-ġranet ilu, irċieva informazzjoni mingħand persuna li resqet ’il quddiem biex titkellem u tagħti l-verżjoni tagħha dwar dak li taf dwar id-deal tal-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Gvern Malti lil Vitals Global Healthcare, u mbagħad dwar dak li ġara biex din il-konċessjoni kienet trasferita lil Steward Healthcare.

Filwaqt li enfasizza li din hi l-ewwel darba f’dan il-każ kollu li persuna ressqet ’il quddiem biex titkellem, biex tixhed u biex tagħti informazzjoni diretta dwar dawn id-deals, Mark Anthony Sammut qal li: “din il-persuna esprimiet miegħi x-xewqa li tgħaddi din l-informazzjoni lili bħala Membru Parlamentari, li dehrilha li responsabbli biżżejjed li nara li din l informazzjoni nużaha bl-aħjar mod biex ngħin fl-istħarriġ tal-verità u tal-ġustizzja.”

Mistoqsi x’tinkludi din l-informazzjoni ġdida, Mark Anthony Sammut qal li din tinkludi diversi dokumenti li fihom hemm:

  • xhieda ġuramentat minn din il-persuna dwar dak li ġara;
  • kopji ta’ ftehim li saru bejn il-partijiet involuti;
  • kopji ta’ korrispondenzi elettroniċi, chats u messaġġi.

Mistoqsi dwar il-kontenut li fihom dawn il-korrispondenzi elettroniċi u chats, Mark Anthony Sammut qal li dak li jista’ jgħid sa issa hu li dawn jinvolvu:

  • rappreżentanti ta’ Vitals Global Healthcare,
  • rappreżentanti ta’ Steward Healthcare;
  • politiċi;
  • uffiċjali għolja tal-Gvern Laburista:
  • konsulenti legali tal-Gvern Laburista; u
  • uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku u fiċ-Ċivil.

Mistoqsi dwar x’tindika din l-evidenza li se tkun qed titressaq quddiem il-Maġistrat, Mark Anthony Sammut qal li dan il-materjal ġdid jindika:

  • frodi;
  • kollużjoni bejn politiċi, uffiċjali pubbliċi u persuni fin-negozju;
  • theddid;
  • u dikjarazzjonijiet foloz.

“Jiena rajt din l-evidenza, rajt dawn id-dokumenti u bħala Membru Parlamentari u bħala ċittadin ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox, nemmen li jien fid-dmir u obbligat li ngħaddi din l-informazzjoni lill-Maġistrat Inkwirenti li qed tmexxi l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li kienet infetħet mill-NGO Repubblika.

“Jiena wkoll irrid ninforma lill-Maġistrat, li din il-persuna li ressqet ’il quddiem lesta wkoll tiltaqa’ magħha u tixhed quddiemha għall-fini ta’ din l-inkjesta u lest niffaċilità dan il-kuntatt.

“Jien dejjem emmint li kull persuna, hi x’inhi l-kariga tagħha, għandha tfittex biss li taqdi d-dover tagħha, li taqdi dmirha, u li fil-qadi ta’ dmirha żżomm biss quddiem għajnejha l-ġurament li tkun ħadet lejn il-poplu, lejn il-Kostituzzjoni u lejn Malta. “Hekk qed nagħmel jien illum, hekk se nibqa’ nagħmel u hekk għandu jagħmel kull min hu fdat b’xi poter biex jaġixxi,” saħaq Mark Anthony Sammut.

Hu kompla li: “Aħna, bħala Partit, irridu u qed naħdmu biex il-verità dwar l-akbar frodi li seħħ fl-istorja politika ta’ pajjiżna tkun magħrufa kollha u ssir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi. “Għalhekk morna quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna biex inwasslu informazzjoni ġdida lill-Maġistrat Inkwirenti dwar il-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare minn Joseph Muscat u Robert Abela.

“Din l-informazzjoni waslet għandi mingħand persuna li ressqet ’il quddiem biex titkellem u kien għalhekk li ressaqt rikors il-Qorti biex din il-persuna tgħaddi din l-informazzjoni lill-Maġistrat u għalhekk nhar il-Ħamis, akkumpanjat mill-Kap tal-Partit Bernard Grech u mid-Deputati Adrian Delia, Karol Aquilina u Joe Giglio, morna l-Qorti u ppreżentajna dan ir-rikors.”

Hu qal li jemmen li din l-informazzjoni għandha tgħin mhux ftit lill-Maġistart Inkwirenti Gabriella Vella fit-tfittxija u s-sejbien tal-verità, u biex min hu ħati jitressaq quddiem il-Ġustizzja. “Aħna diġà morna quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija, issa kważi ġimagħtejn ilu, u sal-lum il-Kummissarju tal-Pulizija għadu m’għamel xejn. “Aħna se nibqgħu ninsistu, fil-Parlament, fit-toroq u quddiem l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li min seraq u wettaq reati serji oħra jiġi investigat u jiffaċċja l-Ġustizzja,” enfasizza Mark Anthony Sammut.

Hu kompla li: “Se nibqgħu ninsistu li min wettaq dan kollu u min ippermetta li dan kollu jitwettaq f’pajjiżna jerfa’ r-responsabbilità politika. “Irrid inwassal kelma ta’ kuraġġ lil dawk li qegħdin magħna f’din il-ġlieda għall-verità, fil-ġlieda għall-Ġustizzja, fil-ġlieda tagħna biex Malta terġa’ tkun tagħna u mhux tal-kriminali li ħatfuha.

“Aktar minn qatt qabel ninsab konvint li ż-żejt ser jitla’ f’wiċċ l-ilma. Aħna ċerti li hemm aktar nies li jafu aktar fatti u li għandhom aktar informazzjoni, li għandhom aktar evidenza, dwar affarijiet oħra li għadhom s’issa mhux magħrufa. Nappellalhom biex jagħmlu l-kuraġġ, jiġu għandna, għandi, għand xi ħadd mill-kollegi tiegħi, bl-
informazzjoni. Serrħu moħħkom, li se naraw li l-informazzjoni li ttuna, tintuża biss għal skop wieħed, dak li ssir ġustizzja. Dak li ssir magħrufa l-verità.”

Hu fakkar ukoll li kull min jokkupa xi kariga pubblika, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. “Ftakru, li tgħid li ‘kont qed nobdi l-ordnijiet ta’ fuqi’ mhix skuża. Tafu li min fl-istorja uża dik l-iskuża, xorta ġie kkundannat. Tafu, li jekk l-ordnijiet li tingħataw ikunu ordnijiet illegali, intom fl-obbligu li ma tobduhomx. Inkella ssiru ħatja wkoll.

“Intom fl-obbligu biss li twettqu d-dmirijiet tagħkom skont il-Liġi, u li l-ħażin twaqqfuh mhux biss jekk isir minn xi ħadd taħtkom, imma anke jekk ikun ġej minn fuqkom. “Din hi organizzazzjoni kriminali; din hi mafja li ħatfet lil pajjiżna. Imma se jasal il-mument fejn tikkrolla; fejn tikkollassa. U dan minkejja t-tfixkil li għamlu s’issa l-Kummissarju tal-Pulizija u l- Avukat Ġenerali.

“Għalhekk min jokkupa dawn il-karigi, se jkollu jagħżel. Jew se jibqa’ jikkollabora mal-mafja, jew se jaqdi dmiru. Imma min se jibqa’ jikkollabora mal-mafja, fil-mument li din se tikkrolla, se jkollu anke hu jwieġeb għal għemilu,” temm Mark Anthony Sammut.