Il-Mexxejja tal-G7 ( l-aktar seba’ Stati industrijalizzati fid-dinja) temmew is-summit fil-Ġappun b’messaġġ ċar kontra ‘il-politika ta’ persważjoni bażata fuq it-theddid’ riflessa fir-relazzjonijiet ekonomiċi taċ-Ċina ma’ pajjiżi oħra.
L-istqarrijiet tal-G7 juru kemm il-pajjiżi ewlenin tad-dinja huma mħassbin dwar l-aġir ta’ Beijing anki waqt li l-Mexxejja f’Hiroshima kienu qed jibagħtu messaġġ ċar lir-Russja permezz tal-istedina lill-President Ukren Volodymyr Zelensky biex hu wkoll jattendi għas-summit.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak qal li ċ-Ċina qed timponi l-akbar sfida għal dawn iż-żmenijiet rigward is-sigurtà u l-prosperità globali. Hu kompla li ċ-Ċina anki qed turi politika dejjem aktar awtoritarja minn lat domestiku kif ukoll ‘il hinn minn xtutha.
Il-Mexxejja tal-G7 anki ħarġu żewġ stqarrijiet biex jiċċaraw il-pożizzjoniijet tagħhom dwar it-Tajwan u r-reġjun Indo-Paċifiku – it-tnejn issues sensittivi ħafna għaċ-Ċina. Madankollu l-inkwiet dwar ‘l-intimidazzjoni ekonomika’ ta’ Beijing spikkat l-aktar fil-messaġġ minn Hiroshima u meta l-Istati għandhom anki d-diżgwid maċ-Ċina fejn jidħol rispett għad-drittijiet umani.
Illum, il-pajjiżi tal-G7 qed jinkwetaw li spiċċaw ‘ostaġġi’ taċ-Ċina f’sitwazzjoni ekonomika ta’ livell globali. Dan wara li Beijing, fl-aħħar snin, impona arbitrarjament is-sanzjonijiet fuq pajjiżi li ‘ma għoġbuhx bil-politika tagħhom.
L-Unjoni Ewropea anki esprimiet allarm meta ċ-Ċina ostakolat l-esportazzjonijiet tal-Litwanja wara li dan il-pajjiż ippermetta biex it-Tajwan iwaqqaf ambaxxata fil-belt ta’ Vilnius. Għaldaqstant, mhix sorpriża l-kundanna tal-G7 dwar ‘l-ispinta fil-politika taċ-Ċina biex tuża l-ekonomija bħala arma kontra l-pajjiżi li jistgħu jopponu għad-diktat ta’ Beijing’.
U skont il-G7 din il-politika taċ-Ċina ‘hi intiża biex ittellef il-politika domestika u barranija tal-Grupp tas-Seba u tal-Istati sieħba madwar id-dinja’.
Fl-istess ħin, il-G7 sejjaħ għal strateġiji li jnaqqsu mid-dipendenza tal-pajjiżi fuq iċ-Ċina u li ilha tippromwovi l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Din il-politika potenzjali – simili għal tal-Istati Uniti – kapaċi tintroduċi diplomazija aktar soda, id-diversifikazzjoni tas-sorsi għall-kummerċ u politika aktar effettiva għall-protezzjoni tal-kummerċ u t-teknoloġija.
//= $special ?>