Bħalissa r-residenti fiż-żona taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex huma litteralment irrabjati għall-Gvern Laburista li għandu pjani avvanzati biex l-uniku fetħa u ftit spazju li hemm bejn il-blokki tal-bini, jeqirdu u minflok itella’ blokka bini oħra.
Dwar dan residenti f’Taċ-Ċawla tkellmu ma’ Il-Mument u semmgħu leħinhom għal din is-sitwazzjoni ta’ tħassib u qalulna li ż-żona taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex hi prinċipalment dominata minn numru ta’ blokki ta’ appartamenti tal-Gvern li fihom joqogħdu għadd ġmielu ta’ nies.
Jirriżulta li qalb dawn il-blokki ta’ bini hemm fetħa li sservi ta’ spazju miftuħ fejn in-nies jistgħu jieħdu ftit arja. F’din il-fetħa hemm playing field u xi siġar u pjanti. Fiha nnifisha din il-fetħa/spazju miftuħ tgħin biex mhux biss issebbaħ l-inħawi imma anki tagħti ftit ta’ ossieġnu għall-istess żona. Issa minn ftit taż-żmien ’l hawn ir-residenti li joqogħdu f’din iż-żona bdew jisimgħu tinxtered l-aħbar li l-Ministru Clint Camilleri – biex naturalment jakkomoda lill-kostitwenti tiegħu – irid li din il-fetħa ta’ spazju vojt tinbidel ma’ żvilupp ta’ blokka bini oħra mal-bosta li hemm biex hekk l-uniku ossieġnu li għandhom dawn in-nies, tinqered ukoll.
Dawk residenti f’Taċ-Ċawla huma urtati ħafna għal dawn il-pjani. Mhux biss, imma huma rrabjati wkoll għaliex mhux biss ħadd ma kellimhom dwar dawn il-pjani, iżda meta dan l-aħħar Robert Abela żar ir-Rabat, evita milli jiltaqa’ magħhom. Dan apparti l-fatt li anki l-istess Clint Camilleri jevita li jitkellem magħhom u meta xi ħadd jiltaqa’ miegħu u jaqbadlu s-suġġett, jurta ruħu immens. Għal tal-Labour hekk isiru l-affarijiet!
Dwar dan kollu tkellimt ma’ Alex Borg, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex, li kkonferma li ż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat m’għadhiex daqstant importanti għall-Gvern Laburista. Filwaqt li spjega li f’kull elezzjoni ripetutament dawn ir-residenti kienu mwegħda mill-Partit Laburista li ż-żona kienet se titranġa, issa jirriżulta li dan hu biss kliem fieragħ.
Qabel l-elezzjoni li għaddiet il-Gvern Laburista kien wiegħed lil dawn ir-residenti li se jimmodernizza l-playing field, li se jagħmel lifts f’kull blokka ta’ appartamenti, li se jagħmel aktar panelli fotovoltajici biex jieħdu sussidju fuqu fl-aħħar tas-sena u li l-faċċati tal-appartamenti kienu se jkunu mkaħħla mill-ġdid. Mistoqsi fil-verità x’sar minn dawn il-wiegħdi, id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li sar biss lift wieħed fi blokka HB…filwaqt li staqsa min jaf għalfejn sar dan il-lift u biex jakkomoda lil min.
Fl-isfond ta’ dak li qed jiġri bħalissa fost dawn ir-residenti bdiet tinġabar petizzjoni biex jitwassal messaġġ li dan il-proġett tal-Gvern se jkun wieħed li jagħmel għajb liż-żona għaliex se titwaqqaf milli tkun tista’ tieħu l-aħħar spazju miftuħ li hemm. Filwaqt li stieden lill-Ministri Clint Camilleri, Anton Refalo, Jo Etienne Abela, Miriam Dalli (Spazji Miftuħa) u Roderick Galdes (Housing) biex jiffirmaw huma wkol din il-petizzjoni biex l-aċċessibbiltà tant mwiegħda permezz tal-lifts tiġi fis-seħħ, Alex Borg wissa’ li n-nies ma jridux jisimgħu b’aktar kliem fil-vojt.
Hu qal li hu tal-mistħija kif fil-jiem li għaddew Robert Abela u miegħu numru ta’ membri tal-Kabinett ma sabux il-ħin biex iżuru ż-żona taċ-Ċawla ħalli jiltaqgħu man-nies u tal-inqas jagħtuhom l-opportunità li jitkellmu dwar it-tħassib tagħhom li dan l-uniku spazju miftuħ jitteħdilhom bl-aktar mod sfaċċat.
“Minflok bagħatl id-delegat tiegħu Emanuel Cuschieri biex ir-residenti jiltaqgħu miegħu b’serqa fis-satra tal-lejl! Jidher ċar li Robert Abela problema jaħrabha, anzi fid-dubju jibqa’ jirrombla fuq kulħadd bla ebda rispett,” qal Alex Borg. Hu kompla li minflok il-kliem fieragħ li ngħad fil-jiem li għaddew, hu għandu pjan ċar biex iħares lil dawn ir-residenti, fosthom li jippreżenta l-petizzjoni lil Robert Abela u jnpoġġiha fuq il-Mejda tal-Parlament.
“Jekk nara li l-petizzjoni ma ħadmitx għand min hu mtarrax bl-arroganza. lest li anki nieħu passi legali biex il-ħtif ta’ l-uniku spazju miftuħ ma isirx. L-aċċessibbiltà tal-bini huwa wkoll rekwiżit tal-liġi,” qal Alex Borg li żied li “fil-ġimgħat li ġejjin se nippreżenta proposta konkreta kif dan l-ispazju għandu isir żgur mhux bi blokka oħra li tokkupa l-uniku spazju miftuħ li fadal fiż-żona.”
//= $special ?>