“Abela f’dilemma kbira kif jaffronta l-problema ‘Muscat'”
“Tal-Labour m’għandhomx triq oħra”
Kienu dawn il-faċċati ta’ uħud mill-ikbar ġurnali għall-Ħadd hekk kif evalwaw dak li ġie żvelat fl-aħħar jiem fi ħdan il-Gvern ta’ Robert Abela.
Il-gazzetta illum qalet kif il-Prim Ministru Robert Abela bħal spiċċa bejn ħaltejn jekk għandux jaqta’ kull rabta li l-Partit Laburista għandu ma’ Joseph Muscat hekk kif jaf li hemm numru ta’ partitarji Laburisti li għadhom jimxu b’għajnejhom mgħaluqa warajh.
Skont l-istess ġurnal, matul din il-ġimgħa saret diskussjoni interna għall-pariri lil Abela dwar x’għandu jagħmel. Iżda jidher li l-ebda azzjoni mhi se tittieħed dwar dan. F’kelma oħra, il-Gvern suppost immexxi minn Robert Abela se jibqa’ mmexxi minn Joseph Muscat u dawk tal-qalba tiegħu.
Bil-gazzetta The Sunday Times of Malta tgħid li persuni għolja fil-Gvern ta’ Robert Abela jinsabu mħassba sew dwar il-fatt li l-iskandlu tat-tliet sptarijiet se jkun qed ikisser lill-Partit Laburista.
Sorsi qrib Robert Abela li tkellmu mal-ġurnal qalu kif bħalissa, il-Partit Laburista jinsab f’limbu, maħkum minn silenzju assolut. Jiġifieri l-ebda diskussjoni ċara dwar il-pass ‘il quddiem dwar dak kollu li ġie żvelat. Dan jagħti x’jifhem li l-ebda persuna mhi se tkun qed terfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li seħħ fil-passat.
U dak li seħħ fil-passat qatt ma jista’ jintesa għaliex wieħed irid jiftakar li dan kollu affetwa lill-poplu Malti u Għawdxi kollha fid-dawl li ntużaw il-miljuni ta’ ewro mit-taxxi tagħna lkoll għall-kuntratt li ma rriżulta f’xejn ħlief telqa’ tal-iktar tliet sptarijiet importanti f’pajjiżna.
Membri Parlamentari Laburisti li tkellmu mal-ġurnal qalu kif Robert Abela mhux fil-lista tal-favoriti ma’ numru sostanzjali ta’ persuni. Fil-fatt, diversi persuni jixtiequ li Robert Abela ma jibqax fit-tmexxija tal-Partit Laburista u wisq inqas tal-Gvern.