Lokali

“Insterqu iktar minn 400 miljun ewro flok ma ntużaw fis-saħħa tal-persuni” – Bernard Grech

“Il-Gvern Laburista ta iktar minn 400 miljun ewro lil Vitals u lil Steward meta dawn ma għamlu ebda investiment fis-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu kien intervistat fuq Net Television.

Bernard Grech qal li Joseph Muscat, minħabba l-mod kif mexa, ħoloq problemi kbar lill-Partit Laburista… fejn hu u sħabu daħlu fil-poltika biex ikunu jistgħu jsiru sinjuri. Fejn issa qed naraw li l-Prim Minsitru Robert Abela għamel patt imxajtan ma’ Joseph Muscat.

Huwa qal li l-PN se jkompli jiġri wara l-verità però se jkompli jaħdem biex il-poplu Malti verament ikollu servizz tas-saħħa li jixraqlu… ikun tal-aqwa kwalità.

L-Awditur Ġenerali qal li Robert Abela kien qed jinnegozja ma’ Steward wara li l-ewwel laqgħa li kellu Kastilja kienet ma’ Joseph Muscat u Steward. Muscat li kien qed jieħu l-flus direttament mingħadhom.

Bernard Grech qal li l-Awditur Ġenerali qal li l-ftehim rinegozjat ma’ Stward waqaf għax kien hemm il-parir tal-Avukat tal-Istat li qallhom li dak li se jagħmlu kien illegali. Apparti dan kien hemm ukoll persuni għolja fiċ-ċivili li ma aċċettawx li jiffirmaw dan il-kuntratt il-ġdid li prova jagħmel Abela.  

Il-Kap tal-PN għamel referenza għall-fatt li Malta spiċċat l-agħar fl-Ewropa fejn jidħol ix-xiri ta’ mediċina ġdida.  Dan ifisser li pajjiżna mhux qed ikollu l-iktar mediċina avvanzata.

Huwa qal li pajjiżna sena wara sena qed ikollu defecit wieħed wara lieħor… dan juri kemm il-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux pjan kif se jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Min-naħa l-oħra l-PN se jkompli jaħdem sabiex verament isaħħaħ is-setturi ekonomiċi li diġà għandna u jiżdiedu setturi ekonomiċi ġodda wkoll.

Bernard Grech sostna li r-realtà tal-għoli tal-ħajja qed taffettwa lil kulħadd mhux biss lil dawk li għandhom dħul baxx. U quddiem dan kollu Abela m’għandux interess jindirizza l-għoli tal-ħajja. Huwa qal li l-PN għandu viżjoni riċerkata li vermant tista’ tbiddel lil dan il-pajjiż u jimxi ‘l quddiem.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn proprju l-Ġimgħa l-PN organizza konferenza flimkien ma’ numru ta’ NGO’s fejn il-PN huwa kommess li jkompli jfassal politika li tisma’ u tinkludi lil kulħadd.