Lokali

Miġbura €2,207,262 waqt il-maratona ‘Għat-Tfal Kollha Kollha Kollha’

€2,207,262…din hija s-somma finali li nġabret waqt il-maratona Għat-Tfal Kollha, Kollha, Kollha li saret matul il-jum tas-Sibt organizzata minn The Malta Trust Foundation.

Din il-maratona damet għadejja għal 12-il siegħa fejn f’diversi mumenti ntwerew intervisti ma’ tfal li bbenefikaw minn din il-fondazzjoni. Dawn ingħataw apparat apposta li litteralment biddlilhom b’ħajjithom hekk kif issa jistgħu jikkomunikaw aħjar mal-familja tagħhom.

Bis-somma ta’ ftit aktar minn €2 miljuni The Malta Trust Foundation tista’ tkompli tgħin lil aktar tfal li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu jew li huma neqsin mid-dawl.

Preżenti għal din il-maratona kien hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ martu AnnMarie Grech li qattgħu diversi ħin jirrispondu t-telefonati. Preżenti wkoll diversi Deputati u Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista fosthom is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.

Bernard Grech qal li bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi din il-fondazzjoni tista’ tgħin lil aktar tfal jikkomunikaw mal-qraba tagħhom kif ukoll ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar grazzi għal apparat teknoloġiku li toffri din il-fondazzjoni.

Il-Malta Trust Foundation ġiet imwaqqfa tmien snin ilu mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca. Waqt il-maratona hija qalet li tinsab kburija bis-somma li nġabret filwaqt li saħqet li b’din is-somma aktar tfal jistgħu jingħataw l-għajnuna.