Lokali

AĠĠORNATA: Tfajla ta’ 17-il sena titlef ħajjitha wara ħabta fis-Central Link

Tfajla Maltija ta’ 17-il sena minn San Pawl il-Baħar tilfet ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident ikrah li seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-tlieta fi Triq Tumas Chetcuti, fl-inħawi tas-Central Link Ħ’Attard. F’dan l-inċident kienet involuta karozza tat-tip Chevrolet Aveo li għal xi raġuni tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla f’ħajt u arblu.

Fl-inċident kienu involuti żewġ persuni oħra, ġuvni ta’ 20 sena minn San Pawl li kien qed isuq u tfajla ta’ 17-il sena minn Ħ’Attard.

Immedjatament fuq il-post waslu membri tal-protezzjoni ċivili, pulizija kif ukoll ambulanza fejn tim mediku taw l-ewwel għajnuna lil dawk kollha involuti f’dan l-inċident. Iżda sfortunatament tfajla li kienet passiġġiera tilfet ħajjitha fuq il-post.

Iż-żewġ persuni l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġew ċertifikati li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.